Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilita huma pilastri importanti biex tassew ikollna drittijiet għall-persuni b’diżabilità. Fi stqarrija kien spjegat li għal din is-sena, il-Ministeru jrid jgħaddi messaġġ b’saħħtu u jrid li l-persuni b’diżabilità jkunu protagonisti. Hekk kif qed joqorbu l-festi tal-Milied ħassejna li għandna nagħtu spazju lill-ħiliet u talenti fl-isfond tal-promozzjoni u tisħiħ tad-drittijiet. Għalhekk din is-sena t-tiżjin tal-Ministeru għal Għawdex sar mill-klijenti taċ-Ċentru Santa Marta kif ukoll ir-rigali li ser jingħataw lit-tfal tal-iskola mill-Ministru għal Għwdex ukoll saru minnhom.
Għaċ-ċerimonja li tat bidu għall-Milied f’Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex stieden artista b’diżabilità ta’ fama internazzjonali Alfina Frasta. Alfina hija kantanta lirika b’vuċi li saħħret miljuni ta’ nies u hekk ukoll, saħħret lill pubbliku Għawdxi. Flimkien ma’ Alfina wkoll kien hemm l-orkestra Allegro Moderato li wkoll hija komposta minn mużiċisti b’diżabilità.
Apparti l-ispettaklu saru wkoll sessjonijiet u attivitajiet mat-tfal tal-iskola biex jitrawwem fihom sens ta’ inklużjoni u rispett.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex huwa konxju ħafna minn din l-aġenda u allura jħeġġeġ inizjattivi għall-komunitajiet iktar aċċessibbli fiżikament, b’proġetti mal-parroċċi tal-hearing loop systems u korsijiet tal-lingwa tas-sinjali Maltija u għajnuna lil diversi għaqdiet biex iwettqu proġetti u inizjattivi.