Malta b’rata ta’ tkabbir tliet darbiet ikbar mill-medja Ewropea – One News

Notifiki

Malta b’rata ta’ tkabbir tliet darbiet ikbar mill-medja Ewropea

Fl-ewwel tliet kwarti tal-2019 ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku laħqet l-4.7%. F’kull kwart ta’ din is-sena, pajjiżna kellu t-tieni l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea u dan it-tkabbir f’Malta kien aktar minn tliet darbiet ikbar mill-medja Ewropea.

Fi stqarrija l-Gvern ta’ Malta spjega kif fattur ewlieni kienet iż-żieda qawwija fil-konsum privat li kien xprunat minn tkabbir sostanzjali fid-dħul tal-ħaddiema. Fil-fatt, fl-ewwel disa’ xhur tal-2019 il-pagi f’pajjiżna kienu €220 miljun ogħla milli kienu sena qabel, żieda ta’ 5.9%. Imqabbel mal-2012, il-pagi kienu biljun u nofs ewro aktar, iġifieri żieda ta’ 66%. Riżultat ta’ dan it-titjib sostanzjali fid-dħul, l-istatistika uffiċjali turi li l-konsum tal-familji żdied bi 3%, wara li tneħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja.

It-tieni fattur wara t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu kien l-andament pożittiv tal-azjendi. Fil-fatt, il-profitti għolew b’€398 miljun, żieda ta’ 8.9%. Imqabbel mal-2012, il-profitti rdoppjaw, b’żieda ta’ €2.5 biljun. Dan it-titjib qawwi fil-profitti wassal biex in-negozji privati, flimkien mas-settur pubbliku, investew €1.4 biljun fl-ewwel tliet kwarti tal-2019, li tfisser żieda ta’ €111 miljun imqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan kien it-tieni l-akbar livell ta’ investiment li qatt ġie osservat fl-ewwel disa’ xhur ta’ sena mindu bdiet tinġabar l-istatistika.

Il-Gvern żied jinnota li l-akbar tkabbir kien fis-settur tas-servizzi professjonali u amministrattivi, li ra żieda ta’ €117 miljun, jew 10%. Is-settur tal-gaming kabbar l-operat b’€113 miljun, jew 9%, filwaqt li l-oqsma tar-retail u tal-lukandi u ristoranti kibru b’€102 miljun, jew 6%. Il-valur miżjud fil-manifattura kiber b’€35 miljun, filwaqt li fil-kostruzzjoni kien hemm żieda ta’ €42 miljun. Is-settur finanzjarju kiber b’€25 miljun.

It-tkabbir qawwi fis-settur privat qed iwassal għal tnaqqis fid-dipendenza ta’ pajjiżna fuq l-ispiża tal-gvern. Fil-fatt, il-konsum tal-gvern huwa 17% tal-ġid nazzjonali, kontra l-20% fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern. Dan jispjega għala pajjiżna bħalissa għandu surplus fil-finanzi pubbliċi, kontra d-defiċit eċċessiv li kellu fil-passat.

Il-politika ekonomika tal-gvern qed twassal għal tkabbir mifrux u għal żieda sostanzjali fid-dħul kemm tal-ħaddiema kif ukoll tan-negozji. Il-Gvern temm jgħid li din il-klima qed tissarraf f’livell ta’ investiment bla preċedent li jġib miegħu titjib fil-kwalità tal-ħajja u bażi soda għal futur tal-ekonomija Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend