L-ekonomija Maltija kibret b’€181 miljun fit-tielet kwart tas-sena – One News

Notifiki

L-ekonomija Maltija kibret b’€181 miljun fit-tielet kwart tas-sena

Ċifri proviżjorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-NSO juru li bejn Lulju u Settembru li għadda, l-ekonomija Maltija kibret bi tlieta punt erba’ fil-mija f’termini reali.

L-NSO żied jgħid li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, il-Prodott Domestiku Gross żdied b’aktar minn €181 miljun. Dan ifisser li f’dan il-perjodu l-ekonomija Maltija ġġenerat ftit aktar minn tlett elef, erba’ mija u erba’ u ħamsin miljun ewro.

It-tkabbir ekonomiku kien mifrux ħafna bil-qasam tas-servizzi żied il-kontribut tiegħu fl-ekonomija b’aktar minn mija u tnejn u sebgħin miljun ewro jew b’sebgħa fil-mija.

L-NSO żied jinnota li s-settur tal-bejgħ, it-trasport, tal-lukandi u r-ristoranti ra żieda ta’ kważi €45 miljun jew b’sitta punt tmienja fil-mija.

Is-settur tal-arti u d-divertiment żdied ukoll bi kważi €38 miljun jew b’9.1% waqt li s-servizzi professjonali u amministrattiv ra żieda ta’ €27.8 miljun jew b’6.3 fil-mija.

Il-valur miżjud fil-manifattura kiber b’aktar minn €15-il miljun filwaqt li fil-kostruzzjoni kien hemm żieda ta’ €14 miljun.

Fi stqarrija, il-Gvern innota fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, pajjiżna kellu t-tieni l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea u dan it-tkabbir f’Malta kien aktar minn tliet darbiet ikbar mill-medja Ewropea.

Qal li ż-żieda qawwija fil-konsum tan-nies u l-andament tal-ażjendi kienu l-fatturi ewlenin li reġgħu wasslu għal tkabbir ekonomiku mifrux u għal żieda sostanzjali fid-dħul kemm tal-ħaddiema u kemm tan-negozji.

Fil-fatt fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, il-pagi f’Malta kienu mitejn u għoxrin miljun ogħla milli kienu sena qabel, waqt li l-profitti tal-ażjendi għolew bi tliet mija u tmienja u disgħin miljun, żieda ta’ kważi disgħa fil-mija.

Il-Gvern qal li dan it-titjib qawwi fil-qligh wassal biex in-negozji privati, flimkien mas-settur pubbliku, investew biljun u erba’ mitt elf ewro fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, li tfisser żieda ta’ mija u ħdax-il miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Dan kien ukoll it-tieni l-akbar livell ta’ investiment li qatt ġie osservat fl-ewwel disa’ xhur tas-sena mindu bdiet tinġabar l-istatistika.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend