Il-Pulizija kkonfermat li qiegħda tkellem aktar persuni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li għalkemm diġà tressqu l-Qorti erba’ persuni fosthom is-suspettat mandant b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin b’mod intensiv.
Qalet li dawn l-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji, l-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi u bil-kollaborazzjoni attivita tal-Europol. Spjegat li l-investigazzjonijiet kollha qegħdin isiru taħt il-kapp tal-Inkjesta Maġisterjali
Il-Pulizija sostniet li kull informazzjoni li l-Pulizija ġabret f’dawn il-jiem qiegħda tiġi investigata. B’rabta mal-investigazzjonijiet li għaddejjin, il-Pulizija qalet li wettqet u qiegħda twettaq aktar tfittxijiet f’diversi postijiet.
Kien hawn li żvelat li qegħdin jiġu mitkellmu numru ta’ persuni oħra relatati ma’ dan il-qtil.
Il-Pulizija ċċarrat li wieħed irid jifhem li minħabba s-sensittività ta’ dawn l-investigazzjonijiet, il-Pulizija, f’dan l-istadju, mhix qiegħda f’pożizzjoni li tagħti aktar dettalji hekk kif jistgħu jiġġreġudikaw il-każ.