48 organizzazzjoni volontarja bbenefikaw minn ftehimiet soċjali mal-Gvern – One News

Notifiki

48 organizzazzjoni volontarja bbenefikaw minn ftehimiet soċjali mal-Gvern

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali organizza konferenza li għaliha attendew dawk l-għaqdiet kollha volontarji li jibbenefikaw minn ftehimiet soċjali mal-istess Ministeru.

B’kollox hemm 48 organizzazzjoni volontarja li jibbenefikaw minn dawn il-ftehimiet soċjali, bil-għan li jkollhom il-mezzi neċessarji sabiex jagħtu l-aqwa servizz lill-klijenti tagħhom. Dawn l-għaqdiet jgħinu nies vulnerabbli, ewlenija fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika, abbuż ta’ droga, u tfal taħt ordni ta’ ħarsien soċjali fost oħrajn.

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon ħabbar illi permezz ta’ ftehim mal-Università ta’ Malta u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), se jkun qed jingħata Masters fil-Kura Soċjali u l-Leadership. Fi kliem il-Ministru Michael Falzon, dan se jwassal biex jiżdied il-livell ta’ professjonalità fis-settur soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon qal illi minn tliet ftehimiet soċjali fl-2013, dawn telgħu għal 48 ftehim, li bejniethom se jkunu qed jibbenefikaw minn aktar minn €16-il miljun.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qal li l-gvern bil-fatti wera kemm jemmen fin-nies, speċjalment f’servizzi li jingħataw lil persuni b’diżbalità. Qal li ċ-ċifri jitkellmu waħidhom, hekk kif f’dawn l-aħħar tliet snin, mis-sena 2017 sa din is-sena, il-gvern investa b’kollox ’il fuq minn 13-il miljun u sitt mitt elf ewro f’xiri ta’ servizzi mingħand l-għaqdiet mhux governattivi biex jiġu moqdija persuni b’diżabilità, bl-ikbar ċifra ġiet investita din is-sena. Spjega kif fis-sena 2019, b’kollox, bi ftehim f’xiri ta’ servizzi mingħand l-għaqdiet mhux governattivi intefqu kważi sitt miljun ewro.

Spjega li sa mill-bidu nett ta’ dan il-gvern, jiġifieri fl-2017, investa ’l fuq minn €3 miljun, u sena wara sena n-nefqa biex jiġu moqdija kif jixraq lill-persuni b’diżabilità kompliet tiżdied kważi bid-doppju sas-sena 2019.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li din is-sena bħala ftehimiet mal-għaqdiet mhux governattivi, is-Segretarjat Parlamentari kellu b’kollox 14-il ftehim għall-persuni b’diżabilità. Minn dawn l-erbatax, ħamsa minn dawn il-ftehimiet huma twettiq tal-manifest elettorali. Għaxra mill-PSP’s ta’ din is-sena jipprovdu għal xiri ta’ servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità, u ftehim ieħor li jipprovdi għas-servizzi respite f’Dar il-Kaptan, u tliet ftehimiet oħra mal-privat li jipprovdi għal servizzi u programmi ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Mark Musu sostna li jixtieq jara iktar għaqda bejn l-organizzazzjonijiet kif ukoll iktar effetività fis-servizzi offruti, filwaqt li sostna li l-Ministeru se jagħmel ‘reachout’ ikbar fil-kommunità biex jilħaq aktar nies vulnerabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend