Malta tista’ mhux biss tkompli tkun ċentru għal negozju u investiment minn madwar id-dinja iżda żżidu b’mod li jkun sostennibbli.
Dan hu l-kliem tal-konsulent internazzjonali dwar in-negozju Fons Trompenaars. Dr Trompenaars huwa rikonoxxut internazzjonalment bħala wieħed mill-iktar konsulenti influwenti fid-dinja u ta’ spiss idur minn pajjiż għall-ieħor jagħti taħdidiet lil negozji u kumpaniji madwar id-dinja.
F’intervista ma’ ONE News meta żar pajjiżna fl-aħħar jiem, huwa rrikonoxxa s-suċċess li qed jagħmel pajjiżna biex jattira l-investiment. Fl-isfond li l-investiment barrani dirett f’pajjiżna żdied b’iktar minn 3 biljun ewro fl-2018, Trompenaars ħeġġeġ biex pajjiżna jiżviluppa ċentru tal-għarfien bħal f’pajjiżi oħra ta’ daqs simili ta’ Malta.
Spjega li dan ikompli jtella’ l-livell tar-riżors uman fi gżiritna u b’hekk pajjiżna jilħaq livell ogħla ta’ interess.
“It seems to be a country where at least on the individual scale there is a lot of investment. On the business side I think you need to develop knowledge. You should become a knowledge centre like Singapore. The only thing they can distinguish themselves is knowledge. Why? There are no natural resources. Here there are not too many natural resources also because of the lack of space.”
It-tkabbir fl-investiment u fl-ekonomija Maltija wassal ukoll biex numru mhux żgħir ta’ kumpaniji bdew jaħsbuha biex huma jimirħu lil hinn minn xtutna.
Tul l-impenji tiegħu f’Malta Dr Trompenaars indirizza numru ta’ negozji u intrapriżi Maltin li qegħdin jaħsbu biex jagħmlu dan il-pass.
Fid-dawl li l-investiment minn kumpaniji Maltin barra minn Malta baqa’ fil-livell kostanti ta’ madwar sitt biljun ewro, Trompenaars qal li kumpaniji Maltin għandhom iħarsu lejn x’jiddistingwi l-prodott Malti minn prodott ieħor meta jħarsu lejn l-investiment.
“Look at what distinguishes Maltese businesses talents from around you. What distinguishes you in the eye of the client, another culture that says I wanna do business with Maltese people.”
Madankollu b’kawtela qal li dan għandu jsir b’rispett lejn il-kulturi tal-pajjiżi fejn in-negozju Malti jagħmel l-investiment tiegħu.
“Be aware that there are differences, try to respect those differences, try to reconcile the tensions that occur when one culture meets the other rather than giving up your own values or superimposing your own values.”
Trompenaars temm jgħid li ċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandux jikkundizzjona l-potenzjal li joffri pajjiżna.