Is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia bi proċeduri fil-qorti biex l-Ispettur Arnaud ma jkomplix jinvestiga l-każ – One News

Notifiki

Is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia bi proċeduri fil-qorti biex l-Ispettur Arnaud ma jkomplix jinvestiga l-każ

In-negozjant Yorgen Fenech, li qiegħed jinżamm arrestat fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin, dalgħodu xehed f’kawża kostituzzjonali biex il-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud ma jibqax jinvestiga l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Ispettur Arnaud ilu minn Ottubru tal-elfejn u sbatax jinvestiga dan l-omiċidju flimkien mal-investigaturi tal-FBI u l-Europol.

Fix-xhieda tiegħu Yorgen Fenech għamel bosta allegazzjonijiet dwar l-Ispettur Arnaud fosthom li għandu kunflitt ta’ interess fil-każ. Fenech allega li l-Ispettur Arnaud kien jaf lill-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, Yorgen Fenech allega li Keith Schembri kien qiegħed jagħtih informazzjoni dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Qal li Keith Schembri kien jgħidlu li l-informazzjoni qiegħed jgħaddihielu l-ispettur Keith Arnaud għax miegħu għandu relazzjoni tajba.

Fenech allega li f’Diċembru tal-elfejn u sbatax Keith Schembri infurmah li ser isiru l-arresti tat-tliet eżekuturi fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia, l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat.

Allega wkoll li kien Keith Schembri li infurmah li Vince Muscat qiegħed jitlob il-maħfra presidenzjali. Fenech allega wkoll li sar jaf li l-mobile personali tiegħu kien qiegħed jiġi ttappjat għax qallu Keith Schembri minn informazzjoni li qal li kiseb mingħand l-Ispettur Keith Arnaud.

Fenech għamel dawn l-allegazzjonijiet, l-għada li Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia xehed li Fenech kien l-uniku mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

“Nista’ nassigurak li Yorgen Fenech kien l-uniku mandant. Hu biss kien ikellimni,” qal Theuma li l-ġimgħa l-oħra ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia fis-sittax ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend