L-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġeb għal ilment li għamel l-Avukat Andrew Borg Cardona meta allega li l-Pulizija ma ħallewhx jidħol fil-gallarija tal-Parlament fuq struzzjonjiet tal-Ispeaker.
Il-każ seħħ tlett ijiem ilu, bl-ispeaker tal-Kamra jgħid li Borg Cardona kien żvija lill-uffiċjali tal-Parlament meta daħal ma’ grupp ta’ nies fil-gallarija tal-Kamra minflok mar fil-kamra tal-Oppożizzjoni.
L-Ispeaker irrimarka li għall-ewwel darba mindu ngħata l-kariga seba’ snin ilu kellu jirrikorri kontra qalbu għal din id-deċiżjoni li jagħlaq il-gallarija tal-pubbliku. Qal li dan kien obbligat jagħmlu fid-dawl tal-inċidenti li kienu qed iseħħu matul l-aħħar seduti fil-periferija tal-Parlament, anke bi ksur tal-Ordinanza dwar is-Setgħat u Privileġġi tal-Kamra.
L-ispeaker qal li l-uffiċjali tal-Parlament infurmaw lil Borg Cardona li ma kienx possibbli fuq direttiva tas-Sedja jidħlu fil-gallarija u ngħataw l-aċċess biss għall-binja bil-premessa li jmorru fil-kamra tal-Oppożizzjoni.
Għaldaqstant l-Ispeaker innota li dak li ġara jista’ jammonta għal żvijar tal-istess uffiċjali tal-Parlament jekk mhux ukoll għal nuqqas ta’ ubbidjenza ta’ ordni tas-Sedja fil-binja tal-Parlament, li huwa għandu kontroll tagħha taħt l-Att dwar is-Servizz Parlamentari.