Il-grupp parlamentari Laburista dalgħodu reġa’ kien qaqoċċa biex isellem lil Joseph Muscat f’dik li kienet l-aħħar seduta parlamentari tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Fit-tmiem is-seduta ta’ dalgħodu li matulha ġie approvat il-baġit għas-sena d-dieħla, id-deputati Laburista ħadu l-okkażjoni biex isellmu lil Joseph Muscat.
F’kummenti ma’ ONE NEWS, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Byron Camilleri qal li wara li l-baġit ta’ Malta kien wieħed minn ftit li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea, illum il-Parlamenta approva formalment il-baġit ta’ Malta wara li l-voti tqiegħdu għall-approvazzjoni tal-Kamra.
Dan minkejja li ma kienx hemm il-membri tal-Oppożizzjoni preżenti.
Camilleri żied jgħidilna li d-deputati tal-Gvern se jibqgħu jiftakru din is-seduta għax kienet l-aħħar waħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat fir-rwol tiegħu ta’ Prim Ministru.
Dr Camilleri sostna li fl-20 ta’ Jannar meta jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament wara l-btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, il-grupp parlamentari Laburista se jkompli jaħdem u jkun magħqud taħt it-tmexxija ta’ Prim Ministru ġdid. Qal li sa dan il-jum, il-Partit Laburista jkun ħatar mexxej ġdid u sussegwentament jinħatar prim ministru. Sostna li jkun jew tkun min tkun il-persuna li se tidħol f’din il-kariga, il-grupp parlamentari Laburista se jkun lealissimu lejn din il-persuna bl-istess mod li kienu lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.