Daħlu fis-seħħ standards soċjali ġodda għaċ-ċentri ta’ matul il-jum għal Persuni b’Diżabilità li japplikaw għaċ-ċentri kollha.
L-istandards huma mħarsa mil-liġi u għalhekk iċ-ċentri kollha huma obbligati li jsegwuhom. L-istandards tfasslu fuq sitt binarji li jinkludu l-enfasi fuq id-drittijiet tal-klijenti; programm personali ta’ appoġġ; parteċipazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet; protezzjoni u ħarsien ta’ min qed juża s-servizz; informazzjoni dwar is-servizz offrut; u l-immaniġġjar tal-kwalità tas-servizz.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella spjega li l-istandards ipoġġu lil min jirċievi s-servizz fuq quddiem.
“Hawnhekk irridu naraw li l-individwu verament ikollu l-vuċi li f’kull ħaġa li ssir li jkollha x’taqsam mal-ħajja tiegħu l-individwu jkun qed jipparteċipa b’mod attiv. Hemm ukoll l-involviment tal-qraba għax tul il-konsultazzjoni tkellimna mal-qraba, mal-professjonisti u ma’ min qed jirċievi s-servizz u dawn il-punti kienu l-aktar punti prinċipali li riedu jaraw fit-tibdil tas-servizz li jingħata”.
Qal li huwa unur li fil-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabilità tniedew dawn l-istandards għax permezz tagħhom iridu jintlaħqu l-miri tal-awtorità biex tinbidel il-mentalità ta’ kif in-nies iħarsu lejn dawn iċ-ċentri. Qal ukoll li qed jidħol il-kunċett tal-liċenzjar fiċ-ċentri ta’ matul il-jum li fihom jattendu madwar 529 persuna b’diżabilità u li l-maġġorparti tagħhom huma mmexxija mill-Gvern.
“Bħala ċentri għandna 13-il ċentru li llum huma liċenzjati. Mela mhux biss illum għandek regolamenti imma għandek ukoll il-liċenzji. Għandek diversi persuni, ħafna minnhom immexxija mill-Aġenzija Sapport li qed jagħmlu ħafna ġid. Qed jitmexxew minn professjonisti ddedikati u permezz ta’ dawn l-istandards għandna viżjoni ċara ħafna ta’ fejn irridu naslu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilita Anthony Agius Decelis qal li dawn l-istandards huma turija oħra tal-politika ta’ dan il-gvern li issa bis-saħħa tal-liġi, is-servizzi pprovduti fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilità se jkunu tal-ogħla livell.
“Għamilna din l-Awtorità biex inkunu ċerti li s-servizzi li qegħdin nagħtu lill-persuni b’diżabilita iżommu l-istandards mixtieqa minna. Allura qegħdin nagħtu settur settur – residenzi, respite service. Issa llum għamilna tad-day centres. Biex min imur f’dawn iċ-ċentri jkun jista’ jaf x’qiegħed jistenna miċ-ċentru min ħa jagħti servizz fiċ-ċentru jaf x’inhuma l-obbligazzjonijiet tiegħu.”