Jibda x-xogħol fuq it-tieni proġett għall-Marsa-Ħamrun Bypass b’nefqa ta’ €2.25 miljun – One News

Notifiki

Jibda x-xogħol fuq it-tieni proġett għall-Marsa-Ħamrun Bypass b’nefqa ta’ €2.25 miljun

Illum, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Edward Zammit Lewis żaru s-sit fejn beda x-xogħol fuq it-tieni proġett għall-Marsa-Ħamrun Bypass, li qiegħed isir minn Infrastructure Malta b’investiment ta’ €2.25 miljun permezz ta’ fondi Ewropej.

“L-impenn favur infrastruttura tal-ogħla kwalità, infrastruttura effiċjenti u infrastruttura aktar sikura ma jaqtax. L-2019 kienet is-sena fejn investejna €64 miljun f’14-il proġett f’toroq arterjali. U l-ħidma tkompli. Ma ninsewx li din l-aterja diġà gawdiet minn investiment ta’ €5 miljun s-sena l-oħra fejn il-bypass inbniet mill-ġdid u twessgħet, proġett li wassal għal tnaqqis ta’ 42% fil-ħin tal-ivvjaġġar,” qal il-Ministru Ian Borg.

Huwa spjega li issa se jinħolqu żewġ konnessjonijiet ġodda li għalihom se jiżdiedu aktar minn 600 metru ta’ korsiji, proġett li jestendi minn Triq il-Kanun f’Santa Venera sar-roundabout fi Triq Ħal Qormi fejn għadu kif tlesta proġett ieħor ta’ twessigħ favur aktar effiċjenza flimkien ma’ aċċess u sigurtà aħjar għall-użu pedonali viċin l-uffiċċju tal-Maltapost.

Frott tal-proġett li nbeda issa se tinbena triq li diġà teżisti imma ma tantx tintuża minħabba li ma tinfidx. Din se tiġi mtawla biex tgħaqqad Triq il-Kanun mal-karreġġjata tan-Nofsinhar tal-bypass, u minbarra li se twassal għal konnessjonijiet aħjar, se tkun qed toffri alternattiva oħra għar-rotta eżistenti li tieħdok lejn ir-roundabout ta’ taħt il-flyover tal-Imrieħel Bypass.

It-tieni parti tal-proġett tinkludi ż-żieda ta’ korsija fin-niżla li tgħaqqad il-Marsa-Ħamrun Bypass mar-roundabout ta’ taħt il-pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi favur aċċess aħjar lejn il-qalba tal-Ħamrun, u se tinħoloq ukoll ir-raba’ korsija fil-karreġġjata tan-Nofsinhar tal-Marsa-Ħamrun Bypass.

Fejn jidħlu servizzi, se titkompla l-walk through culvert li qed issir taħt il-bypass u se jgħaddu servizzi ġodda tat-telekomunikazzjoni minn taħt l-art.

“Illum qegħdin hawnhekk għax dan huwa Gvern li ma jħarisx lejn titjib fl-infrastruttura tat-toroq bħala tqegħid ta’ saff ta’ asfalt fuq it-tħarbit li jkun hemm minn taħt. Dan huwa Gvern li jrid titjib fil-veru sens tal-kelma. U għalhekk irridu naraw titjib fil-wiċċ tat-triq imma fuq kollox irridu naraw titjib f’dak kollu li għaddej minn taħt it-triq, jekk humiex pedamenti u servizzi u titjib anke f’dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tat-toroq tagħna.

Qegħdin hawnhekk għax m’għadux iż-żmien fejn proġett infrastrutturali jibda u jispiċċa u nibqgħu bih għal għexieren ta’ snin, bħal li kieku t-toroq mhumiex oġġett dinamiku u ħaj. Għax illum dejjem naħdmu biex naraw kif intejbu fuq dak li diġà għamilna u nippjanaw proġetti b’mod ħolistiku. Għax meta ngħidu li aħna kommessi li nwasslu l-benefiċċji għand in-nies, verament qegħdin naħdmu biex inwettqu dak li nwiegħdu u fosthom hemm l-infrastruttura tal-ogħla kwalità,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend