Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru li matul Ottubru li għadda komplew jiżdiedu t-turisti li żaru l-gżejjer Maltin.
L-NSO qal li matul Ottubru li għadda żaru Malta aktar minn mitejn u sebgħa u tmenin elf turist, jiġifieri sitta punt wieħed fil-mija aktar meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet. (TURISTI U NIDĦLU BIL-GRAFIKA)
Joħroġ ukoll li kważi 250 elf turisti żaru lil Malta għall-btala waqt li ftit aktar minn 22 elf oħra żaru Malta għal skop ta’ negozju. Kważi sebgħa u tletin fil-mija tat-turisti li żaru lil Malta kellhom bejn 25 sena u 44 sena.
Żied jingħad li matul Ottubru, it-turisti qatgħu f’Malta miljun u disa’ mitt elf lejl, żieda ta’ sitta punt ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra u fil-biċċa l-kbira tagħhom raqdu f’lukandi.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li matul Ottubru, it-turisti nefqu aktar minn mitejn u wieħed u tletin miljun ewro, li kienet tfisser żieda ta’ aktar minn sebgħa fil-mija fuq Ottubru tas-sena li għaddiet. Fil-fatt in-nefqa tat-turisti żdiedet b’aktar minn ħmistax-il miljun ewro.
Joħroġ ukoll li fl-ewwel għaxar xhur tas-sena, żaru Malta aktar minn żewġ miljun u erba’ mitt elf turist, żieda ta’ ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-istess xhur is-sena l-oħra. Bejniethom qattgħu f’Malta aktar minn sbatax-il miljun lejl.
Fl-ewwel għaxar xhur tas-sena, it-turisti nefqu kważi elfejn miljun ewro (€2 biljun) , żieda ta’ 4.5 fil-mija meta mqabbel mal-2018. Ras għal ras, it-turisti nefqu kważi tmien mija u tnejn u għoxrin ewro.