Il-Prim Ministru Joseph Muscat ippubblika kontro-protest li għamel b’risposta għall-protest li sar it-Tnejn mill-familja Caruana Galizia.
Permezz tal-Avukat Victoria Buttigieg mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat innota l-izviluppi importanti li seħħew fl-aħħar jiem mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż, li għall-kuntrarju ta’ dak li jintqal fuqhom, jaħdmu u jagħmlu xogħol sew.
Il-Prim Ministru ddikjara li bl-ebda mod ma ndaħal u m’għandu ebda ħsieb li jindaħal fl-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qal li huwa ma jistax jirrisspondi dwar l-arresti li setgħu saru fl-investigazzjoni tal-Pulizija jew dwar x’seta’ rriżulta mill-interrogazzjonijiet.
Sostna li l-arresti huma konferma tal-indipendenza tal-investigazzjonijiet waqt li rrimarka li l-familja Caruana Galizia qed tmur fl-estrem l-ieħor u tinsinwa li kull min ġie interrogat huwa ħati.
Dr Muscat qal li huwa jiskanta kif wara li ntlaħaq ftehim mal-familja Caruana Galizia dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta pubblika, issa qed jagħmlu insinwazzjonijiet dwar il-proċess ta’ smigħ tal-provi mill-bord, fl-investigazzjoni u fil-proċeduri kriminali.
Dwar allegat ħtieġa li l-aġir tiegħu jiġi investigat, Dr Muscat sostna li qatt ma ppretenda li huwa ’l fuq mil-liġi, u stqarr li l-każ tal-qtil jinsab taħt skrutinju ta’ inkjesta maġisterjali, li l-iskop tagħha huma l-investigazzjoni ta’ kull aġir jew evidenza rilevanti u l-preservazzjoni tal-provi.