Hekk kif illum qed ikun imfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, f’konferenza intitolata ‘Il-Ħelsien għall-Għażla’ organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li l-Gvern qed ifassal liġi ġdida li se tagħti opportunità li jkollna struttura fejn persuni b’nuqqas intellettwali jiġu assistiti jieħdu deċiżjonijiet. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li dan qed isir għax dan il-gvern mhux bil-paroli imma bil-fatti jemmen li l-persuni b’diżabilità għandhom id-dritt li jiddeċiedu huma u mhux li xi ħadd jiddeċiedi f’isimhom.
Waqt il-konferenza nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis fakkar kif il-baġit għas-sena d-dieħla jagħti prova ta’ kemm dan il-gvern irid isaħħaħ lill-persuni b’diżabilita’, fejn in-nefqa fis-settur minn 8 miljun ewro fl-2012 żdiedet għal 30 miljun ewro. Spjega wkoll kif dan il-gvern wettaq rivoluzzjoni soċjali, fis-settur tad-diżabilità, minn residenzi fil-komunità, għal proġetti oħra li jiffukaw fuq id-dinjità ta’ kull persuna.
Anthony Agius Decelis qal li dan il-gvern għaddej b’ritmu mgħaġġel biex titkompla r-riforma tal-pensjoni tad-diżabilità biex kull persuna tidħol fid-dinja tax-xogħol.
Is-segretarju parlamentari qal li jittama li jasal żmien li ma jkunx hemm bżonn iktar ta’ segretarjat għal persuni b’diżabilita’, bil-ħolma li l-persuni b’diżabilità, kif inhu bi dritt tagħhom, ikunu integrati b’mod sħiħ fis-soċjetà tagħna.
Huwa rringrazzja lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna li huwa bniedem li jxammar il-kmiem u jaħdem mill-qalb biex is-settur tad-diżabilità jilħaq miri għolja, u dan għall-ġid mhux biss tal-persuni b’diżabilità iżda għas-soċjetà kollha.