“Se mmur għand in-nies biex niltaqa’ magħhom” – Joseph Muscat – One News

Notifiki

“Se mmur għand in-nies biex niltaqa’ magħhom” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li fl-aħħar sigħat ħass ħafna nies qrib tiegħu.

Innota li hemm ħafna nies iddispjaċuti iżda fuq kollox irringrazzja lin-nies għall-imħabba li wrewh.

“Forsi għal waħda mill-ewwel drabi f’ħajti ma nistax inwieġeb emails, tlift il-kont, ma nistax inwieġeb lin-nies kollha u naħseb li ħa nieħu l-ġimgħat biex nagħmilha. Nirringrazzja lil kull min qed ikellimni, nirringrazzja lil kull min qed jikkuntattjani, nirringrazzja lin-nies illi kellmuni fil-ġranet ta’ qabel ħadt din id-deċiżjoni, iktar milli ħadtha, kont diġa ħadtha, ħabbart din id-deċiżjoni. Naf x’kien l-animu ta’ ħafna nies, konfortat ħafna mill-fatt li naf u nemmen illi għadni ngawdi l-appoġġ tal-maġġoranza kbira f’dan il-pajjiż.”

Fuq kollox f’Dr Muscat tixhed l-umanità li tkellem biha mhux biss bħala Prim Ministru ta’ pajjiż iżda anki bħala missier li għandu responsabiltajiet lejn martu, is-Sinjura Michelle Muscat u wliedu Etoile u Soleil.

“Niddedika ħajti, ħafna iktar ħin għall-familja. Mhux ħa ngħid ma rajtx lill-uliedi jikbru għax inkun qed nigdeb u pruvajt niddedika ħafna ħin imma għalija lussu li nagħmel is-Sibt mat-tfal, lussu, lussu kbir, dejjem ippruvajt inżommha. Issa I look forward li nkun nista’ nagħmel iktar ħin jew li darba fil-ġimgħa nipprova nkun id-dar fil-ħin darbtejn biex nagħmel naqra homework magħhom, issa I look forward li forsi bħall-familji normali nkunu qiegħed hemm hekk biex nagħmel il-homework, ikolli iktar ħin biex nagħmel affarijiet oħra, m’iniex ħa nirtira jiġifieri mid-dinja jew ħa noħroġ pensjonant f’ġieh kemm hemm. Fadalli naqra ċekċika x’nagħmel.”

Il-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se jerġa’ jżur bosta bliet u rħula Maltin u Għawdxin biex jiltaqa’ man-nies hekk kif għamel fl-elfejn u tmienja meta laħaq mexxej tal-Partit Laburista.

 “F’dawn l-erba’, ħames ġimgħat illi għad fadalli fil-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista u ta’ Prim Ministru mmur f’numru ta’ lokalitajiet u niltaqa’ man-nies hemm hekk. Jiġifieri mhux ngħid in-nies, isma’ ejjew biex tisimgħuni nitkellem hawn, in-nies ħa ngħidilhom ġej jien biex nisma’ lilkom, biex niltaqa’ magħkom, biex noħdilkom b’idejkom, biex ngħannqu naqra lil xulxin, biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin, biex ngħidilkom li l-Partit Laburista huwa partit li ħa jibqa’ għaddej, dan huwa moviment li ħa jibqa’ għaddej ‘il quddiem.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend