“Prim Ministru determinat li ma nħebiex” – One News

Notifiki

“Prim Ministru determinat li ma nħebiex”

Tħares fejn tħares, se tara l-marka ta’ Joseph Muscat, li taħt it-tmexxija tiegħu ġab tibdil drastiku fil-ħajja tan-nies.

Sentiment komuni fost l-opinjonisti Josef Caruana u Robert Musumeci, li tkellmu ma’ dan l-istazzjon l-għada li l-Prim Ministru ħabbar li se jirriżenja u jibda proċess biex jinħatar mexxej ġdid – kemm għall-Partit Laburista kif ukoll għall-pajjiż.

Josef Caruana fakkar li wieħed irid jara minn fejn telaq il-Partit Laburista għaxar snin ilu.

“Joseph Muscat ma jistax ħlief joħroġ mill-kariga ta’ Prim Ministru b’rasu mgħollija, mhux biss għax għolla lill-Partit Laburista għal livelli li qatt ma kien fihom fl-opinjoni tiegħi, imma b’mod partikolari dawwar id-direzzjoni, dawwar id-destin tal-pajjiż, għal wieħed prosperuż fejn qed induqu riżultati bla preċedent kemm drittijiet ċivili, kemm benefiċċji soċjali u kemm riżultati ekonomiċi.”

Robert Musumeci ddeskriva d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jirriżenja bħala waħda matura, u jemmen li ħadha biex jaċċerta ruħu li l-amministrazzjoni li jmiss tkompli taħdem b’mod seren u tibni fuq is-suċċessi diġà miksuba.

“Dan huwa Prim Ministru li biddel il-landscape politiku li ssarraf f’għaxar rebħiet elettorali. Rebħiet elettorali li ma sarux b’kumbinazzjoni għax il-Prim Ministru ta’ Malta kien il-politiku li rnexxielu jagħti lin-nies dak li jixtiequ.”

Dwar l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar jiem b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Musumeci qal li l-Prim Ministru mexa b’sensittività kbira.

“Rajna fil-verità Prim Ministru reżolut, determinat, biex isolvi dan il-każ u naturalment meta nħarsu lura dak kien l-eżitu oġġettiv, dik hija r-realtà, li għandna llum. M’hemmx dubju li l-fatt li tressqu numru ta’ nies quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja, minnu nnifsu, dak jagħti sinjal ċar li l-Prim Ministru f’dawn iċ-ċirkostanzi daqstant sensittivi, ma nħebiex.”

Dan huwa l-legat li Joseph Muscat se jħalli warajh, li minnu għad irid igawdi l-poplu Malti u Għawdxi għal ħafna snin.

“Iddawwar fejn iddawwar ħarstek, se tara l-marka ta’ Joseph Muscat, u r-riżultati ta’ din l-amministrazzjoni li mill-elfejn u tlettax ’l hawn f’żewġ Gvernijiet għamlet bla dubju kambjament, tibdil drastiku, fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.”

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend