“L-involviment tal-FBI kien pass kruċjali” -il-PM – One News

Notifiki

“L-involviment tal-FBI kien pass kruċjali” -il-PM

F’seduta parlamentari t-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem fuq il-pass kruċjali li ħa l-Gvern ftit minuti wara d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Azzjoni li wasslet biex il-Pulizija mhux biss tarresta l-allegati eżekuturi tad-delitt iżda wkoll lis-suspettat mandant.

“Mingħajr tlaqliq ngħid li din kienet l-iktar deċiżjoni importanti f’dan il-każ kollu u l-involviment tal-FBI b’riżorsi li ftit pajjiżi fid-dinja għandhom aċċess għalihom kien kruċjali.”

Fil-Parlament, minkejja diversi talbiet għal diskussjoni, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li toħroġ ‘il barra u ma tieħux sehem fid-diskussjoni ta’ każ daqstant importanti.

Dr. Muscat qal li din kienet l-akbar investigazzjoni fl-istorja Maltija b’riżorsi bla preċedent.

“Is-servizz tas-sigurtà tajnihom ir-riżorsi u l-finanzi biex iwaqqfu unit sħiħa, jiġifieri kellna unit fi ħdan is-servizz tas-sigurtà li xogħolhom kien 24/7 illi jinvestigaw dan il-każ.”

Huwa spjega kif l-investigaturi kienu ilhom għajnejnhom fuq l-allegat ‘middleman’ fil-kumplott tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Qal li dan inqabad f’operazzjoni kbira li saret mill-pulizija flimkien mal-Europol dwar reat ieħor marbut ma’ ħasil ta’ flus.

“Membri ta’ sezzjonijiet differenti tal-pulizija, b’kordinazzjoni mas-servizzi tas-sigurtà u mal-Europol għamlu rejds f’numru ta’ lokalitajiet u arrestaw numru ta’ persuni f’operazzjoni ta’ anti-money laundering. Wieħed mill-persuni arrestati kien suspettat li hu middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

Il-Prim Ministru saħaq li hu qatt ma nnegozja dirett mal-‘middleman’ biex dan jingħata l-maħfra iżda dejjem qagħad fuq il-pariri tal-investigaturi u l-Avukat Ġenerali.

Tenna li permezz tal-immunità li ngħata Melvin Theuma bil-kundizzjoni li jippreżenta evidenza u li tkun ikkoraborata fil-Qorti, l-investigaturi qed jaħdmu fuq tliet każijiet oħra.

“B’din l-immunità l-persuna trid tagħti testimonjazza dwar il-qtil, kif ukoll dwar tliet każijiet importanti li ma naħsibx li prudenti illi nsemmi x’inhuma pubblikament imma li qegħdin msemmija b’mod ċar u espliċitu fil-proklama li ffirma l-President.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li ħa fejn se jirriżenja minn Prim Ministru.

Huwa qal li kien ta’ pjaċir għalih li baqa’ jgawdi l-fiduċja tal-poplu u anki tal-grupp parlamentari Laburista.

Dr Muscat wiegħed il-lealtà kkundizzjonata lejn is-suċċessur tiegħu li bħala moviment li welled hu stess jista’ jikseb iżjed għall-pajjiżna.

“Dik il-maġġoranza jien nemmen li nuru li mhix marbuta ma’ persuna, mhix marbuta ma’ Joseph Muscat imma hija marbuta mal-ħsieb ta’ moviment.”

Fi tmiem l-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, id-diskors intlaqa’ b’ċapċip kbir.

 

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend