Jitpoġġew it-travi kollha tal-itwal flyover fil-Marsa – One News

Jitpoġġew it-travi kollha tal-itwal flyover fil-Marsa

Infrastructure Malta poġġiet f’posthom l-aħħar sett ta’ travi tat-tielet u l-itwal flyover tal-proġett tal-Marsa Junction.

Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jkomplew ix-xogħlijiet biex titlesta l-gverta tal-konkos fuq dawn it-travi u r-rampa li twassal għall-flyover min-naħa ta’ Vjal Santa Luċija. Ġaladarba jistennew dawn ix-xogħlijiet il-gverta se tinkesa bl-asfalt, isirulha l-korsiji u jitwaħħlu l-crash barriers mal-ġnub fost xogħlijiet oħrajn li jsiru fl-aħħar.

Din l-itwal struttura isserraħ fuq 16-il kolonna u għall-pedamenti tagħha tpoġġew 66 pilastru tal-konkos taħt l-art. L-iżjed parti għolja tal-gverta tagħha se tkun sittax-il metru ’l fuq mit-triq li tgħaddi minn taħtha.

Kif jitlesta dan ix-xogħol, il-flyover mistennija tinfetaħ għall-użu mill-pubbliku sa tmiem din is-sena.

Din hija waħda miż-żewġ  flyovers li oriġinarjament kien maħsub li jitlestew sal-aħħar ta’ Jannar u għalhekk se tkun qed tinfetaħ xahar qabel iż-żmien.

L-erba’ flyovers l-oħrajn li jkun fadal jinfetħu matul l-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg sostna li kif titlesta din il-flyover sal-aħħar tas-sena se jkunu qed jitneħħew darba għal dejjem it-traffic lights tal-junction tal-Marsa.

“Il-ħidma tal-Gvern ma tieqafx, u propju anka fl-aħħar ġranet bqajna għadejjin bl-investiment fl-infrastruttura tagħna. Infrastructure Malta filfatt qed taħdem sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena tagħti lill-poplu malti t-tielet flyover. It-tielet flyover li meta titlesta se niftħu darba għal dejjem il-lights taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.”

Dan l-investiment se jnaqqas drastikament il-ħin tal-ivvjaġġar għal aktar minn mitt elf persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din il-junction.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend