Il-Qorti ċaħdet rikors li ppreżenta n-negozjant Yorgen Fenech sabiex jingħata rilaxx effettiv wara li lmenta li qiegħed jiġi arrestat diversi drabi.
In-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, reġa’ ġie arrestat is-Sibt fid-disgħa ta’ filgħodu sabiex ikomplu l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan l-omiċidju.
Is-Sibt l-avukat Marion Camilleri, mill-uffiċċju ta’ Franco Debono, u l-Avukat Gianluca Caruana Curran, resqu rikors fejn ilmentaw li Fenech mhux qed jiġi trattat tajjeb mill-pulizija meta jingħata l-police bail.
Fenech ingħata l-police bail il-ġimgħa fil-ħdax ta’ filgħodu u reġa’ ssejjaħ mill-pulizija s-Sibt fid-disgħa ta’ filgħodu sabiex ikompli jiġi investigat u jagħti stqarrija formali.
Huwa ngħata l-police bail għal tnejn u għoxrin siegħa bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
F’dawn is-sigħat Yorgen Fenech deher il-qorti għax ma ridx lill-Ispettur Keith Arnaud jkompli jinvestiga l-każ.
Quddiem il-Maġistrat, l-ispettur Keith Arnaud ċaħad li Fenech inħeles għal erba’ sigħat biss hekk kif allegat mill-avukati tiegħu. Huwa ta’ wkoll bosta dettalji dwar in-numru ta’ drabi li Fenech ġie mitkellem mill-pulizija u l-għoti tal-police bail. Huwa qal li kull darba li ġie mitkellem mill-pulizija kellu aktar xi jżid. Qal li wara li ta l-ewwel żewġ stqarrijiet kien hemm il-proklama lil Melvin Theuma u wara tkellem darbtejn oħra.
L-Ispettur Keith Arnaud qal li s’issa saret stqarrija formali waħda ta’ kważi siegħa u nofs.
L-Avukat Camilleri, mill-ufficċju ta’ Franco Debono, qalet m’hemmx għaġġla biex jiġi solvut il-każ għax ilu sentejn jiġi investigat.
L-Avukat Camilleri, lmentat ukoll li hija skumdità għall-avukati minħabba li jridu jkunu l-ħin kollu miegħu d-depot.
Fil-fatt qalet li l-avukat Caruana Curran bilkemm seta’ jmur tieġ is-Sibt minħabba li Fenech reġa’ ġie arrestat.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli ċaħdet it-talba tan-negozjant Yorgen Fenech u ddikjarat li l-arrest huwa skont il-liġi.
Mill-qorti Fenech baqa’ jinzamm arrestat u ttieħed lejn il-kwartieri ġenerali tal-pulizija.