Id-deputat Laburista Chris Cardona talab il-protezzjoni tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż wara rapporti ta’ allegat frame-up li sar fil-konfront tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’ittra mibgħuta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, Cardona li t-Tlieta li għadda ssospenda lilu nnifsu mill-kabinett, ġab għall-attenzjoni tal-Ispeaker rapporti li dehru fil-mezzi tal-istampa b’rabta ma’ dettalji li ngħataw f’laqgħa tal-kabinett li tlaqqa’ l-Ħamis li għadda. Qal li f’dawn ir-rapporti, kuntrarjament għar-rapporti oħrajn ippubblikati b’rabta mal-istess laqgħa, ma kinux miċħuda.
Dr Cardona qal lil hinn mill-konsiderazzjonijiet legali b’rabta ma’ dan ir-reat ta’ kalunja, tali reat huwa wkoll attentat fuq il-funzjoni kostituzzjonali tiegħu, li hu ħalef solenament li jaqdi b’lealtà lejn il-Poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha.
“Jien nemmen li kull attentat li jippreġudika u jattakka l-funzjoni kostituzzjonali ta’ Membru Parlamentari fil-qadi ta’ dmirijietu jirrikjedu azzjoni qawwija u effettiva, inkluż mill-Parlament innifsu, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż”, qal Dr Cardona.
Fid-dawl ta’ dan huwa talab li tiġi ssalvagwardjata l-funzjoni kostituzzjonali tiegħu u jittieħdu l-passi kollha opportuni fiċ-ċirkostanzi.
F’risposta uffiċjal l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li wara li kkunsidra t-talba tiegħu u anke rrefera għall-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, qal li ma setax jagħti forma ta’ rimedju lid-Deputat Cardona.