Ara l-wasla ta’ Yorgen Fenech fil-Ħabs ta’ Kordin – One News

Notifiki

Ara l-wasla ta’ Yorgen Fenech fil-Ħabs ta’ Kordin

In-negozjant Yorgen Fenech ta’ tmienja u tletin sena li joqgħod f’Portomaso f’San Ġiljan inżamm arrestat wara li s-sibt filgħaxija tressaq il-qorti mixli li ppromwova, ikkostitwixxa, organizza jew ħallas għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fis-sittax ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu.

Il-qorti fetħet b’urġenza, sabiex tressaq lill-allegat mandant  ta’ dan id-delitt li xxokkja pajjiż quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli. Huwa wieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-kap tal-iskwadra tal-omiċidji Keith Arnaud mgħejjun mill-Ispettur Kurt Zahra.

L-ispettur Arnaud akkuża lil Fenech b’ħames kapi ta’ akkuża fosthom li ma’ terzi uża splussiv sabiex joqtol u jqiegħed ħajjet ħaddieħor f’periklu u li ffinanzja għaqda sabiex twettaq reat.

Fil-Qorti l-ispettur Arnaud qal li Fenech gie arrestat fl-għoxrin ta’ Novembru li għadda għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu/ Qal li l-pulizija kienet ilha ssewgi l-passi ta’ Fenech u arrestatu meta kien fuq il-jott tiegħu ħiereġ minn Portomosa.

Matul dawn il-ħdax-il jum huwa ġie arrestat ħames darbiet u ngħata l-police bail erba’ darbiet.

L-Avukati Marion Camilleri, mill-ufficcju ta’ Franco Debono, u Gianluca Caruana Curran staqsew bosta mistoqsijiet lill-Ispettur Arnaud fosthom jekk Fenech tax informazzjoni dwar Keith Schembri u jekk dan issemmiex fl-interogazzjoni. Bl-ispettur Arnaud ingħata parir biex ma jwegibx.

B’tonn baxx, Fenech wieġeb il-mistoqsijiet tal-qorti fosthom li jaħdem bħala direttur.

Il-qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ssekwestrati l-assi ta’ Fenech.

Il-prosekuzzjoni ppreżentat lill-qorti l-passapport u dokumenti oħra ta’ Fenech fosthom il-karti tal-kreditu.

Il-Magistrat Demicoli ordnat sabiex Fenech jinżamm arrestat fil-faċilità korrettiva ta’ kordin.

Fl-awla numru disgħa kien hemm preżenti l-familja ta’ Caruana Galizia li qegħdin jiġu assistiti mill-avukati u deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.

Fi tmiem is-seduta, Fenech ġie mmanettjat u ġie eskortat lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn qegħdin jinżammu wkoll l-allegati eżekutturi ta’ dan id-delitt, l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat li kienu ġew arrestati mill-pulizija ħamsin jum biss wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend