Sal-aħħar ta’ Settembru t-turisti f’Malta nefqu €1.7 biljun- Deloitte – One News

Notifiki

Sal-aħħar ta’ Settembru t-turisti f’Malta nefqu €1.7 biljun- Deloitte


L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti rat żieda ta’ 6% fin-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna. Dan ħareġ minn studju mwettaq mill-kumpanija t’awdituri Deloitte.

Bejn Lulju u Settembru li għadda it-turisti f’pajjiżna nefqu total ta’ tmienja mija u wieħed u sebgħin miljun ewro, żieda ta’ 3.4% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. L-istudju ta’ Deloitte nnota wkoll li meta mqabbel mas-sena l-oħra n-numru ta’ turisti li qattgħu l-iljieli tagħhom żdiedu wkoll bi 2.5%.

Sa Settembru li għadda ġew f’pajjiżna żewġ miljun u mitt elf turist li flimkien kkontribwixxew €1.7 biljun fl-ekonomija Maltija. Dan in-numru wkoll ra żieda ta’ 4.2% meta mqabbel mas-sena l-oħra.

Dan l-istudju wera wkoll li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, kważi nofs it-turisti li ġew f’pajjiżna qadu f’akkomodazzjoni kollettiva bħal-lukandi, 35% ġewwa propjeta privata u 17% tat-turisti qattgħu l-iljieli ġewwa residenza ma ħbieb jew familjari tagħhom.

F’dan il-perjodu l-lukandi f’pajjiżna kellhom okkupanza ta’ madwar 90%. Madankollu l-istudju nnota li nofs it-tkabbir fil-wasliet tat-turiżmu ġie assorbit minn akkomodazzjoni privata.

L-aktar pajjiżi li minnhom ġew turisti baqgħu l-Italja u r-Renju Unit madankollu l-aktar suq li ra żieda kienu l-Irlanda u Spanja b’żieda ta’ 26% u 21.5% rispettivament.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra stqarr li dan ir-rapport huwa inkoraġġanti f’sena ta’ suċċessi fis-settur tat-turiżmu f’pajjiżna. Huwa qal: “Is-sitwazzjoni hija pożittiva ħafna f’dan l-istudju u jidher ukoll li fl-aħħar 3 xhur li jispiċċaw f’Diċembru jidher li se jkunu tajbin allura ngħidu li din is-sena hija tajba.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend