L-imgħaxijiet fuq id-dejn jonqsu bi €11.3 miljun – One News

Notifiki

L-imgħaxijiet fuq id-dejn jonqsu bi €11.3 miljun


Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika juru li fl-ewwel 10 xhur tas-sena, il-Gvern irreġistra surplus ta’ €10,200,000.

Iċ-ċifri tal-NSO juru li bejn Jannar u Ottubru li għadda, id-dħul tal-Gvern żdied b’€444 miljun għal €3,940 miljun.

Dan kien ifisser żieda ta’ 12.7% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Bis-saħħa tal-attività ekonomika fil-pajjiż u żieda ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol, l-akbar żidiet fid-dħul kienu rreġistrati mit-taxxa tad-dħul 153.9M, mill-għotjiet 121.6M mill-bolla 74.5M u mill-VAT 48.3M fost l-oħrajn.

In-nefqa totali tal-Gvern sal-aħħar ta’ Ottubru kienet ta’ €3,930 miljun, 11.6% aktar meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

L-NSO qal li ż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet attribwita għal kważi €27miljun fuq benefiċċji soċjali, aktar minn €19-il miljun, żieda ta’ aktar minn 18-il miljun f’mediċini u tagħmir mediku, żieda ta’ aktar minn 9 miljun għall-kura tal-anzjani f’residenzi privati, żieda ta’ €7,800,000 għall-iskejjel tal-Knisja u aktar minn €7 miljun oħra għat-trattament tal-kanċer.

Miċ-ċifri joħroġ ukoll li l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-Gvern naqsu bi €11.3 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

L-NSO żied jgħid li n-nefqa kapitali tal-Gvern bejn Jannar u Ottubru żdiedet b’aktar minn €78 miljun  meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u telgħet għal aktar minn €44 miljun.

L-uffiċċju tal-istatistika żied jgħid li sal-aħħar ta’ Ottubru li għadda, id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern wasslet għal surplus ta’ €10,200,000 fil-fond konsolidat tal-Gvern.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend