Il-Qorti tagħti ċamata lil midja u titlobha biex tivverifika s-sorsi – One News

Notifiki

Il-Qorti tagħti ċamata lil midja u titlobha biex tivverifika s-sorsi


L-Imħallef Miriam Hayman ċaħdet li laqgħet b’mod proviżorju l-mandant ta’ inibizzjoni li ressaq Yorgen Fenech biex IL-Kap tal-Iskwadra tal-omiċidji Keith Arnaud, ma jibqax imexxi l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Qorti kkritikat bl-aħrax il-midja li rrappurtat li l-mandat ta’ inibizzjoni li ressaq Yorgen Fenech permezz tal-avukati tiegħu kien temporanjament milħuq.

“Ivverifikaw is-sorsi jekk jogħġobkom”, qalet bi kliem ċar L-imħallef Myriam Hayman waqt is-smigħ tal-mandat ta’ inibizzjoni tan-negozjant Yorgen Fenech, li ma jridx lil Keith Arnaud jinvestiga l-każ.

Huwa għamel numru ta’ allegazzjonijiet fuq l-Ispettur Arnaud, l-investigatur ewlieni f’dan l-omiċidji li ħamsin jum wara l-qtil tressqu l-qorti t-tliet akkużati mixlija bil-qtil tagħha.

L-Avukat fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg wieġbet ghall-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-mara tal-ispettur Arnaud. Għamlet referenza għall-istqarrija ta’ Infrastruttura Malta li qalet li mart Arnaud bdiet taħdem f’din l-aġenzija wara sejħa pubblika.

Dr Buttigieg qalet li l-ispettur Arnaud huwa l-investigatur ewlieni fil-każ u ħadem mal-FBI u l-Europol. Qalet li huwa l-obbligu tal-pulizija, li spettur ifakkar lil min jiġi investigat li hija responsabilità tagħhom li jgħidu l-verità.

Saqsiet f’liema pajjiż, il-persuna investigata tagħżel hi min jinvestigah.

Intant l-Avukat ta’ Fenech, Marion Camilleri mill-uffiċċju ta’ Franco Debono, qalet li mal-klijent tagħha ma tistax issir ġustizzja minħabba li skont hi l-Ispettur Arnaud għandu rabtiet ma’ Keith Schembri. Allegat li dan l-Ispettur talab impjieg għal martu u ngħatalha.

Il-Ħamis filgħaxija Schembri ġie rrilaxxat wara li l-pulizija qalet li ma hemmx ħtieġa li s-Sur Schembri jibqa’ jinżamm aktar taħt arrest.

Allegat ukoll li Schembri kien qiegħed jagħti informazzjoni lil Fenech, li kien qed jgħaddihielu l-Ispettur Keith Arnaud.

L-Avukati tan-negozjant Fenech allegaw li għandhom recordings, ittra, kuntratt tax-xogħol u ritratti ta’ Keith Schembri bħala provi.

Allegaw li hemm ritratt ta’ Melvin Theuma jitgħannaq ma’ Schembri f’Kastillja u li dan qabadhom sabiex jagħmlu l-qtil.

Allegaw ukoll li hemm it-tabib Adrian Vella li kien iwassal messaġġi bejn Schembri u Fenech. Izda fl-awla ma pprezentaw l-ebda provi biex jissostanzjaw dawn l-allegazzjonijiet.

Intant, qabel ma beda s-smigħ tal-mandat ta’ inbizzjoni Yorgen Fenech deher fil-kurituri tal-qorti jitkellem mal-ġurnalisti fosthom tat-Times u ġurnalisti barranin.

Saħansittra wara li ħareġ mill-qorti indirizza lill-ġurnalisti.

Preżenti fl-awla kien hemm id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend