Ħabib ta’ Simon Busuttil jgħid li Delia għandu jirriżenja – One News

Notifiki

Ħabib ta’ Simon Busuttil jgħid li Delia għandu jirriżenja


“Adrian Delia għandu mill-aktar fis possibbli jgħidilna meta se jirreżenja.”

Iddikjara dan Chris Scicluna, ex uffiċjal tal-Gvern Nazzjonalista u persuna qrib ħafna tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil u s-sieħba tiegħu Kristina Chetcuti.

Chris Scicluna huwa wieħed minn dawk in-Nazzjonalisti mdiehes sew mal-klikka ta’ Manwel Delia li ssejjaħ lilha nnifisha s-soċjetà ċivili. Bħal daż-żmien sentejn, Scicluna tqaċċat ’il barra minn rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fuq l-Awtorità tax-Xandir, kariga li kien innominah għaliha Simon Busuttil.

Fl-aħħar sigħat Scicluna tenna li Adrian Delia għandu jirriżenja minħabba li għandu allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu fosthom li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.

Allegazzjonijiet li ħarġithom Daphne Caruana Galizia , b’Adrian Delia ħareġ jgħajjarha “biċċa blogger”.

Sal-lum il-ġurnata Adrian Delia għadu ma talabx inkjesta maġisterjali fil-konfront tiegħu sabiex innaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonijiet.

Chris Scicluna ħareġ jattakka lill-Partit Nazzjonalista, wara lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli sejjaħ għal dimostrazzjoni nazzjonali il-Ħadd. Dimostrazzjoni kellu jirtiraha wara ġlieda kbira fil-Partit Nazzjonalista.

Fuq Facebook il-ħabib ta’ Simon Busuttil kiteb dwar in-nuqqas ta’ serjetà u kredibilità mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

“Jibqa’ l-fatt, però, li fil-mument il-Partit Nazzjonalista mhux qiegħed jirnexxielu jkun Oppożizzjoni serja u kredibbli. Il-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni serja u kredibbli” qal Scicluna.

Chris Scicluna tkellem dwar il-karattru ta’ Adrian Delia li sejjaħlu kap imtebba’ minħabba l-allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus.

“Il-ħutha minn rasha tintenn. Kap li huwa ‘accident prone’ u mtebba’ ma jista’ qatt jikkonvinċi elettorat” qal il-ħabib ta’ Simon Busuttil.

Kien hawn li sejjaħ għar-riżenja ta’ Adrian Delia u qallu li għandu jagħmel dan mill-aktar fis possibli. Għidilna meta se tirriżenja, iddikjara Chris Scicluna.

Huwa temm il-messaġġ tiegħu bil-frażi qażżistuna wara li aktar qabel qal lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li jmissu jistħi għall-istat miskin li hu u Clyde Puli ġabu lill-Partit Nazzjonalista fih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend