L-isem notevoli li għamel pajjiżna fl-oqsma tal-gaming fl-aħħar snin reġa ntwera biċ-ċar f’edizzjoni oħra tas-summit internazzjonali tal-igaming Sigma.
Avveniment li daħal fis-sitt sena tiegħu u li jiġbed lejh l-aqwa ismijiet li jispeċjallizzaw f’oqsma bħall-igaming, videogaming, blockchain u l-intelliġenza artifiċjali. Matul din il-fiera qegħdin jieħdu sehem aktar minn 15,000 ruħ, 400 esebitur u aktar minn 200 kelliem.
L-organizzatur tal-avveniment Eman Pulis saħaq li l-avveniment kompla jikber u jżid fil-interess f’pajjiżna bħala bażi għal għexieren ta’ kumpaniji f’oqsma differenti.
Is-sitt darba li qed nagħmlu l-fiera u record numbers. Għandna ‘l fuq minn ħmistax-il elf ruħ. Ħafna minnhom ġew minn barra b’interess li jiftħu anke uffiċji f’Malta fil-gaming. Il-kumpanija tagħna fetħet anke fiera oħra fl-Asja u permezz ta’ dak kien hemm ħafna interess mis-suq Ażjatiku biex jaraw x’inhu għaddej fil-ġurisdizzjoni Maltija fil-gaming.
Fost esebituri li tkellimna magħhom ħareġ biċ-ċar kif il-qafas regolatorju u l-klima favur in-negozju qed tkompli tiġbed l-interess biex iktar kumpaniji jespandu l-operat tagħhom lejn pajjiżna.
Fost dawn kien hemm il-kumpanija Freebitcoin, kumpanija b’miljuni ta’ klijenti fil-qasam tal-cryptocurrencies madwar id-dinja. Ir-rappreżentant tagħha Nicholas Nanda qal li Malta hija l-post ideali biex tkompli tmexxi ‘l quddiem l-attivita tagħha.
“Malta is the hub of iGaming like that’s precisely the starting point. We’re very exciting, I think Malta is the ideal ground for us.”
Min-naħa l-oħra l-kumpanija fil-qasam tal-gaming mis-Serbja FAZI faħħret il-qafas regolatorju lokali. Fi kliem ir-rappreżentant Miha Miklavčič dan qed iġiegħel lill-kumpanija tesplora l-possibilita li tifrex l-operat tagħha f’Malta. Dan hekk kif diġà għandha preżenza f’pajjiżi oħra fil-Mediterran.
“The laws regarding our industry are the best in the world and it is interesting for us in the future to come here and do business here.”
F’diskors waqt il-ftuħ tal-avveniment is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri faħħar it-tkabbir tal-qasam tal-gaming f’pajjiżna. Spjega li fi ftit żmien Malta stabbilixxiet ruħha ma’ ta’ quddiem nett wara li ddaħħlet ċ-ċertezza legali f’dan il-qasam.
Min-naħa tiegħu id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li l-ekonomija, l-istituzzjonijiet u l-Gvern huma b’saħħithom u qegħdin jaħdmu bla heda biex it-tkabbir f’diversi oqsma ekonomiċi jibqa’ b’saħħtu.
Dan għaliex b’ekonomija stabbli u serena biss jistgħu setturi bħall-gaming jiġġeneraw iktar ġid.