Se jiżdiedu r-riżorsi fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa kontra l-vjolenza domestika – One News

Notifiki

Se jiżdiedu r-riżorsi fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa kontra l-vjolenza domestika

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin jiżdiedu r-riżorsi tat-taqsima fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa li taħdem mill-qrib mal-aġenziji li jiffurmaw parti mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Soċjali (FSWS) fejn jirrigwarda vjolenza domestika.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza attività mtella’ mill-FSWS fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali  għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa ċelebrat illum, 25 ta’ Novembru. Filwaqt li enfasizza li għall-maġġoranza kbira tal-poplu l-ħajja hija sabiħa f’pajjiż fejn is-servizzi tas-saħħa huma tajbin ħafna, b’livell ta’ għajxien għoli u sigur, xorta għandek sitwazzjonijiet fejn wara bibien magħluqin ikun hemm realtajiet differenti, partikolarment fejn ikun hemm involuta vjolenza domestika.

“Fejn ikun hemm il-vjolenza domestika d-diffikultajiet għall-koppja nnifisha u aktar u aktar għat-tfal li jista’ jkollha l-koppja, huma kbar. Nafu li għal uliedu kulħadd jagħmel dak kollu possibbli u l-agħar ħaġa li jista’ jkun hemm hija vjolenza fuq it-tfal, xi ħaġa li nafu li tiġri wkoll. Kull xorta ta’ vjolenza domestika għandha tkun kumbattuta bl-aħjar mod possibbli u dan huwa li qed jagħmel il-Gvern permezz ta’ diversi mezzi, fosthom l-FSWS, il-Ministeru għas-Saħħa, il-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika u l-Pulizija”, qal id-Deputat Prim Ministru filwaqt li awgura suċċess għall-attivitajiet li l-FSWS se tkun qed torganizza fl-okkażjoni ta’ Jum Internazzjonali  għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa.

Ritratti: ODPM

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend