Il-Ministru Ian Borg jindirizza l-Plenarja tal-Assemblea tal-IMO – One News

Notifiki

Il-Ministru Ian Borg jindirizza l-Plenarja tal-Assemblea tal-IMO

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qiegħed imexxi d-delegazzjoni Maltija f’Londra għall-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). Malta kontinwament tipparteċipa b’mod attiv bl-għan li ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tippromwovi b’mod proattiv politiki għas-salvagwardja tal-ambjent marittimu u l-industrija marittima b’mod sigur.

Il-Ministru Ian Borg faħħar lill-IMO u l-istati membri tagħha għad-dedikazzjoni u x-xogħol favur is-sigurtà fuq il-baħar u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta li taħdem flimkien mal-pari tagħha fl-IMO fir-rigward tal-isfida li jiġi ffurmat settur tat-tbaħħir aktar sigur u aktar ħadrani li fl-istess waqt ikompli jagħti kontribut ekonomiku.

“Hija l-IMO li tista’ u li ser tkompli tiżgura li l-bilanċ delikat ta’ prattikalità u effettività jiġu sostnuti globalment fl-industrija marittima”, qal il-Ministru, filwaqt li għamel aċċenn għall-kontribut ta’ Malta favur il-bini ta’ kapaċitajiet fl-aħħar żewġ assembleji, fejn pajjiżna kkontribwixxa fondi addizzjonali għall-Integrated Technical Cooperation Programme (ITCP), u qal li Malta se tkun qed terġa’ tagħti kontribut finanzjarju lejn il-Programm Globali tal-ITCP għan-Nisa fl-Marittimu, fost kontribut ieħor.

“Malta kburija li tospita żewġ istituzzjonijiet taħt l-umbrella tal-IMO: ir-Regional Maritime Pollution Emergency Centre for the Mediterranean Sea (REMPEC) u l-IMO International Maritime Law Institute (IMLI). Dawn l-istituzzjonijiet jikkonsolidaw ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru marittimu internazzjonali u l-Gvern Malti determinat li jkompli jappoġġja ż-żewġ istituzzjonijiet filwaqt li jaħdem fuq diversi affarijiet marittimi biex pajjiżna jsir ċentru marittimu ta’ eċċellenza”, qal il-Ministru Borg.

Huwa esprima s-sodisfazzjon ta’ Malta bit-tema magħżula għall-Jum Marittimu Dinji ta’ din is-sena – ‘Empowering Women in the Maritime Community’, filwaqt li tenna r-rekord b’saħħtu u d-determinazzjoni ta’ Malta fir-rigward tal-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri.

Huwa faħħar ukoll il-progress sostnut li qiegħed jinkiseb dwar l-istrateġija għal tbaħħir aktar ħadrani u aktar sostenibbli bit-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali Lim. Hawnhekk, il-Ministru esprima l-kunfidenza ta’ Malta li l-IMO tista’ turi tmexxija fil-kisba tal-objettivi kommessi fl-Istrateġija GHG filwaqt li saħaq dwar l-importanza li tiġi żgurata level playing field. Il-Ministru Borg irrefera wkoll għall-ħidma tajba tal-IMO relatata mal-integrazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-miri għal żvilupp sostenibbli relatati, filwaqt li rrefera wkoll għat-2020 sulphur cap li mistennija tiġi implimentata fi ftit ġimgħat favur kwalità tal-arja aħjar u benefiċċji oħra.

“Malta tibqa’ kommessa fil-kontribut tagħha lejn is-settur marittimu, b’mod partikolari lejn l-IMO u l-għanijiet u  l-objettivi tagħha. Tibqa’ kommessa wkoll li tkompli taħdem id f’id mal-industrija marittima biex il-progress li jsir jibbenefika minnu kulħadd”, għalaq il-Ministru Ian Borg.

Ritratti: MTIP

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend