“Se nibqa’ ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż” – il-PM – One News

Notifiki

“Se nibqa’ ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż” – il-PM


“L-istituzzjonijiet tal-pajjiż taw risposta u qed iwasslu għar-riżultati.”

Hekk saħaq il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu.

Huwa stqarr li filwaqt li ħaddieħor attakka lill-istess istituzzjonijiet kontinwament hu Investa ħinu sabiex jiddefendihom.

Huwa tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tiegħu li jiffirma ittra li permezz tagħha ggarantixxa li jekk ikun hemm biżżejjed provi jagħti l-parir lil president biex joħroġ il-maħfra presidenzjali lis-supettat middleman fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Stqarr li għamel dan għaliex għandu parir u jemmen li dan huwa l-aħjar mod ta’ kif jitmexxew l-affarijiet.

Il-Prim Ministru kompla jgħid kif din il-ġimgħa ħass li għandu jinforma lill-poplu dwar dak li qiegħed jiġri sabiex ma jitħalliex fl-għama.

Huwa fakkar kif lura fiż-żmien, fil-każ tat-tixħim tal-Imħallfin, kien il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami li għamel konferenza tal-aħbarijiet fejn kien ta d-dettalji kollha dwar l-operazzjoni ta’ servizzi ta’ sigurtà li waslet biex kien inkixef dak il-każ.

Dan filwaqt li stqarr kif l-oppożizzjoni mhux konsistenti f’dan ir-rigward.

Il-Prim Ministru sotna: “Kellna lil oppożizzjoni li filli tgħidli ma nitkellimx u filli tgħidli biex inwieġeb il-mistoqsijiet. L-oppożizzjoni li filli titlaq ‘il barra mill-Parlament u filli tgħidilna li rridu nlaqqgħu l-Parlament b’urġenza u għadni ma fhimtx l-oppożizzjoni eżatt xi trid. Jien se nkompli nagħmel dak illi nemmen li għandu isir. Ovvjament ser noqgħod attent. Il-familja Caruana Galizia, qalet li l-Prim Ministru għandu jieħu pass lura. M’għandix problemi li nieħu l-ebda pass lura, li ma noqgħodx nagħmel prononzjamenti f’dan ir-rigward, imma se nkompli nagħmel dak li nemmen illi huwa l-aħjar biex issir ġustizzja, f’dan il-każ u biex niddefendi lil istituzzjonijiet tagħna.”  

Il-Prim Ministru saħaq li huwa se jibqa’ ffukat fit-tmexxija tal-pajjiż filwaqt li dan il-gvern se jkompli jaħdem biex iġib il-bidla li għandu l-mandat li jwettaq.

“Dan huwa Gvern b’mandat bla preċedent li se jibqa’ għaddej dan il-Gvern għall-leġislatura kollha kemm hi u huwa Gvern illi ħa jkompli jwettaq ir-riformi kbar illi għandu il-mandat biex iwettaq għal din il-leġislatura. Jien min-naħa tiegħi se nibqa’ ffukat biex immexxi lil dan il-pajjiż. Dan huwa dmiri. Dmiri mhux li naqbad u nabdika. Dmiri mhuwiex li naqbad u nħalli l-affarijiet għal riħhom. Jien m’inix imwieled baħri tal-bnazzi, jien baħri tal-maltemp. Bħalissa huwa żmien delikat ħafna u  bħalissa jien nemmen li huwa dmiri li lil dan il-pajjiż nagħtih it-tmexxija li fdali”, temm jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend