Wara t-talba li ressaq illejla l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sabiex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza u wara li ra r-risposta tad-Deputat Prim Ministru u Kap tal-Kamra Chris Fearne, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li m’hemmx qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra biex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza fis-sigħat li ġejjin. F’ittra mibgħuta lill-Kap tal-Oppożizzjoni huwa qal li wara li ra diversi rulings passati u ħa nota ta’ dak li tgħid il-kostituzzjoni, huwa mhux biss ra jekk il-materja nnifisha hijiex urġenti iżda wkoll jekk din tkunx tant mgħaġġla li l-Kamra jkollha tiddibattiha mill-aktar fis possibbli. Dan għaliex inkella jkun tard wisq jekk din l-istess materja tiġi diskussa fi stadju ulterjuri.
Is-sedja nnutat wkoll id-dikjarazzjoni li għamel l-Prim Ministru fl-20 ta’ Novembru li għadda fil-Parlament fejn assigura lill-Kamra tar-Rappreżentanti li huwa kien se jagħmel stqarrija u li saħansitra kien anki lest jagħmel seduta sħiħa jwieġeb għall-mistoqsijiet. L-Ispeaker innota wkoll li dan l-impenn tal-Gvern reġa’ ġie kkonfermat illejla minn risposta mibgħuta mid-Deputat Prim Ministru u Kap tal-Kamra Chris Fearne.