Il-Gvern bi ħsiebu jitlob lill-Parlament sabiex issir diskussjoni sħiħa dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia ġaladarba jkunu konklużi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Dan se jsir sabiex f’dan l-istadju delikat ma jsir xejn li jista’ jtellef minn din l-investigazzjoni importanti.
Din kienet il-qofol ta’ ittra li bagħat il-Kap tal-Kamra tad-Deputati Chris Fearne bħala tweġiba għat-talba tal-Oppożizzjoni sabiex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza s-Sibt filgħaxija. Waqt li apprezza s-serjetà tas-sitwazzjoni, Fearne innota illi l-komunikazzjoni ta’ Delia ma tinkludi ebda mozzjoni dwar is-suġġett imsemmi minnu. Fakkar ukoll dwar dak li qal il-Prim Ministru din il-ġimgħa fil-Parlament fejn tenna li hija x-xewqa tiegħu li l-Parlament jagħmel diskussjoni sħiħa dwar dan is-suġġett.