Yorgen Fenech jinżamm arrestat – One News

Notifiki

Yorgen Fenech jinżamm arrestat

Il-Pulizija tinsab f’ġirja kontra l-ħin biex tistabbilixxi l-fatti dwar l-aħħar żviluppi li seħħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, in-negozjant Yorgen Fenech reġa’ kien fil-kustodja tal-Pulizija fejn kompliet bl-interrogazzjoni tiegħu u l-investigazzjonijiet dwar il-każ.

Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, Fenech inħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u ttieħed mill-investigaturi lejn il-Marina ta’ Portomaso fejn saru tfittxijiet fuq il-jott li kien arrestat fuqu.

Dan wara li l-Erbgħa filgħodu kien interċettat f’nofs ta’ baħar minn uffiċjali tal-Forzi Armati Maltin.

Hu mifhum li Fenech ingħata l-police bail ftit sigħat biss qabel ma kien se jiskadi l-perjodu ta’ 48 siegħa li seta’ jinżamm arrestat.

Il-Ħamis filgħodu Yorgen Fenech deher mill-ġdid fil-kustodja tal-investigaturi Maltin u uffiċjali tal-Europol fil-marina ta’ Portomaso fuq il-jott tiegħu Gio. Dan biex fil-preżenza tiegħu tkompli bl-istħarriġ tagħha abażi tal-informazzjoni li għandha dwar il-każ.

Crew ta’ ONE News li segwa mill-qrib l-iżviluppi fil-marina seta’ jinnota numru kbir ta’ uffiċjali tas-sigurtà jgħassu ż-żona.

Minn Portomaso, in-negozjant reġa’ ttieħed taħt arrest lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-pulizija għal aktar stħarriġ.

Intant matul il-jum, is-suspettat “middleman” fil-qtil ta’ Caruana Galizia ddaħħal l-isptar wara li ħassu ma jiflaħx.

F’kummenti mal-midja l-Ġimgħa filgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li l-allegat “middleman” ta’ wieħed u erbgħin sena, iddaħħal l-isptar wara li beda jilmenta li ma kienx qiegħed iħossu f’siktu.

Huwa ħareġ mill-isptar aktar tard matul il-jum għall-ħabta tal-4:00 ta’ waranofsinhar u reġa’ ttieħed d-Depot tal-Pulizija fejn nifhmu li kompla jiġi interrogat mill-Pulizija.

Theuma talab għall-maħfra presidenzjali għar-reati li wettaq fil-passat bil-kundizzjoni li jiżvela informazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galiza li tista’ tiġi kkorraborata fil-Qorti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *