L-MCCAA tħabbar ir-rebbieħa ta’ Premju Servizz bi Tbissima 2019 – One News

Notifiki

L-MCCAA tħabbar ir-rebbieħa ta’ Premju Servizz bi Tbissima 2019

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ħabbret ir-rebbieħa tal-ħames edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima. L-iskop prinċipali ta’ dan il-premju hu li tkompli tinbena relazzjoni tajba bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Awtorità tinkoraġġixxi bejjiegħa lokali jadottaw prattiċi ta’ negozji li jipprovdu lill-konsumaturi b’aktar benefiċċji minn dawk stabbiliti fil-liġi.

Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista qal li meta jingħata servizz bi tbissima, dan jgħin biex jinħolqu klijenti leali u wkoll jagħmel lill-konsumaturi jħossuhom komdi jressqu xi diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom. Deo Debattista sostna li din l-inizjattiva tippremja kull operatur u lill-ħaddiema tagħhom li bid-dedikazzjoni u bix-xogħol tagħhom qed joffru servizz ta’ kwalità lill-konsumaturi, speċjalment servizz ta’ wara x-xiri. Meta jinqalgħu l-problemi importanti li l-bejjiegħa jdawru esperjenza negattiva f’waħda pożittiva. Dan hu apprezzat mill-konsumaturi u jkun rifless fis-suċċess ta’ din il-kompetizzjoni li din is-sena attirat ’il fuq minn 5,200 vot. Fid-diskors tiegħu  Deo Debattista rringrazzja l-ħidma li l-MCCAA qed twettaq biex ir-relazzjoni bejn min jixtri u min ibigħ tkompli tissaħħaħ u tinbena fuq il-fiduċja.

Fid-diskors ta’ ftuħ, Helga Pizzuto, Chairperson tal-MCCAA, tkellmet dwar il-missjoni tal-Awtorità li jkun hemm kummerċ ġust fis-suq u li jsaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi. Ekonomija b’saħħitha għandha bżonn bejjiegħa u konsumaturi li jirrikonoxxu li r-rispett u l-fiduċja huma żewġ elementi essenzjali. L-Awtorità qed twettaq numru ta’ inizjattivi, bħall-Premju Servizz bi Tbissima u bħall-iskema Trust You, li jinkoraġġixxu din it-tip ta’ relazzjoni. Is-suċċess ta’ Premju Servizz bi Tbissima hu rifless fil-parteċipazzjoni qawwija tal-konsumaturi u anke fl-entużjażmu tal-bejjiegħa li qed jippromwovu l-kompetizzjoni. Helga Pizzuto spjegat li l-Awtorità hi kommessa li tkompli teduka u tinforma lill-konsumaturi u lill-bejjiegħa dwar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom.

L-Awtorità temmen fl-importanza li toffri servizz ta’ kwalità lill-konsumaturi u lill-operaturi ekonomiċi Maltin. Sabiex dan jiġi assigurat, estendiet iċ-ċertifikat ta’ standards internazzjonali, ISO 9001 għall-operat tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur. B’suċċess, dan l-uffiċċju kiseb dan iċ-ċertifikat li jsaħħaħ l-impenn tiegħu li jipprovdi servizz ta’ kwalità għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-operaturi ekonomiċi.

Din il-kompetizzjoni tinkludi ħames kategoriji ta’ bejjiegħa u l-votazzjoni mill-konsumaturi saret bejn it-12 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Lulju 2019.

Ir-rebbieħa mill-ħames kategoriji differenti kienu:

Il-kategorija Apparat Elettroniku u Oġġetti tad-Dar intrebħet minn Forestals, filwaqt li SCAN u Homemate kklassifikaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Il-kategorija Bejjiegħa Lokali Onlajn intrebħet min scanmalta.com, filwaqt li forestals.com ikklassifika fit-tieni post. It-tielet post intrebaħ mill-kumpaniji mvintage.com u pavipama.com.mt bl-istess ammont ta’ voti.

Hair Haven rebħet il-kategorija Moda u Sbuħija. F’din il-kategorija D Beauty Bar ikklassifikat fit-tieni post, filwaqt li Fair Hair & Beauty Salon ikklassifika fit-tielet post.

Ir-rebbieħ tal-kategorija Supermarkets u Mini Markets kien John’s Food Market, segwit minn Pavi-Pama Supermarket fit-tieni post. It-tielet post ingħata lil Lidl.

Il-kategorija Vjaġġar intrebħet minn ROCS Travel, filwaqt li Air Malta u Britannia Tours ikklassifikaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Din is-sena ġew ivvutati ’l fuq minn 800 kumpanija u bejjiegħa differenti. Il-ħames kumpaniji li rċievew l-akbar ammont ta’ voti f’kull kategorija għaddew mill-iskrutinju tal-bord Premju Servizz bi Tbissima sabiex jiġi assigurat li l-voti li rċevew huma validi u skont it-termini u kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Ġie vverifikat li dawn il-bejjiegħa huma konformi mal-kodiċi ta’ kondotta tal-premju fl-operat tagħhom. Il-bord iċċekkja wkoll li l-kumpaniji nominati qed josservaw il-liġijiet u f’każ ta’ ilmenti ġie kkonfermat li dawn ġew trattati u solvuti fi żmien raġonevoli bl-inqas inkonvenjent possibbli għall-konsumaturi.

Il-kumpaniji li kklassifikaw fl-ewwel post fil-ħames kategoriji, irċevew trofew u ċertifikat u l-użu tal-logo ta’ Premju Servizz bi Tbissima fil-materjal promozzjonali tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend