Il-Ġimgħa filgħodu l-Prim Ministru spjega l-aħħar żviluppi b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dr Muscat spjega kif skont il-liġi l-pulizija għandha tmienja u erbgħin siegħa ċans biex tinterroga persuna u wara li jgħaddu dawn is-sigħat, il-pulizija trid jew tressaq il-persuna l-Qorti, jew tilliberah jew inkella tagħtih police bail, b’din tal-aħħar tfisser li l-persuna trid tkun għad-dispożizzjoni tal-pulizija l-ħin kollu.
Il-Prim Ministru qal li f’każ li persuna titressaq il-Qorti, il-pulizija ma jkollhiex dritt li tkompli tinterrogah: “Li jfisser, dak li jkun intqal lil pulizija u l-mistoqsijiet tal-pulizija trid tieqaf hemm hekk u l-pulizija ma jkolliex dritt sat-trial, jekk kemm il-darba jkun hemm instab li hemm biżżejjed biex jitpoġġa taħt kap ta’ akkuża, ma jkunx hemm id-dritt li l-pulizija jkompli bil-questioning.”
Fid-daħla ta’ Kastilja, il-Prim Ministru spjega lill-ġurnalisti li l-każ huwa wieħed maġġuri u li l-pulizija ħassew li għandhom bżonn iżjed ħin u jistaqsu iżjed mistoqsijiet.
Joseph Muscat qal li għadha għaddejja l-analiżi tax-xhieda u l-evidenza li qed jagħti l-persuna meqjusa bħala l-middleman fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dr Muscat sostna: “Tajjeb li ngħid ukoll illi għadha għaddejja l-analiżi tax-xhieda u d-data u l-affarijiet kollha, l-informazzjoni kollha, il-provi kollha li jistgħu jiġu użati li qiegħed jagħti l-persuna li huwa allegat middleman f’dan il-każ. Din il-kwistjoni, din l-analiżi qiegħda tkun minutjuża, kelma b’kelma, punt b’punt, evidenza b’evidenza u mhijiex kwistjoni li tista’ tingħalaq fi ftit sigħat imma hemm ċertu punti li jridu jiġu ċċarati mal-persuna inkwistjoni.”
Il-Prim Ministru fakkar li l-maħfra Presidenzjali lil middleman għadha ma ngħatatx iżda rrimarka li huwa kkommetta ruħu li jirrakkomanda l-proklama bil-kundizzjoni li l-middleman jagħti evidenza li tkun ikkorraborata fil-Qorti li twassal għall-prosekuzzjoni ta’ persuni fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-iżviluppi li ġraw kmieni l-Erbgħa filgħodu waslu biex il-pulizija ħadet passi ta’ prekwazjoni u b’hekk skatta mekkaniżmu ieħor fl-investigazzjoni.
“Il-pulizija din ma kinitx their prefered course of action. Għas-sempliċi raġuni li kienu jippreferu l-ewwel jagħlqu l-każ kollu tal-middleman biex wieħed jara l-evidenza kollha li jista’ jkun hemm, imbagħad minn hemm hekk jipproċedu kontra persuni li jista’ jkun hemm il-bżonn li jipproċedu”, kompla jispjega Dr Muscat.
Il-Prim Ministru saħaq li għandu kull fiduċja fl-investigaturi li qegħdin isegwu bir-reqqa l-liġijiet tal-pajjiż u anki ma jippreġudikawx l-investigazzjonijiet: “Qed ngħid dan kollu biex l-investigaturi mhux ġurnata heroes u ġurnata ħmir, li ma jkunux jafu x’qegħdin jagħmlu. Jafu x’qegħdin jagħmlu eżatt u l-interess tagħhom u l-interess tagħna huwa, ta’ kulħadd huwa li ssir magħrufa, li jsir magħrufin il-fatti kollha f’dan ir-rigward.”