Robert Attila Majlat ta’ 41 sena u martu Robert Attilance Majlat ta’ 37 sena mill-Ungerija u li joqogħdu f’San Pawl il-Baħar ġew ikkundannat bejniethom 24 sena ħabs wara li nstabu ħatja li ttraffikkaw żewġ nisa f’Malta biex ikollhom x’jaqsmu ma’ rġiel li kienu jmorru magħhom bi ħlas.
Fil-qorti ngħad li ż-żewġ vittmi li isimhom ma jistax jixxandar ġew Malta bosta snin ilu taħt il-kontroll assolut tal-akkużati biex jipprostitwixxu ruħhom.
In-nisa li waħda minnhom għandha tarbija ta’ ftit xhur kienu jgħixu f’appartament li fih kienu jmorru ma’ bosta rġiel u l-qligħ kien imur kollu għall-akkużati. Saħanistra l-akkużati kienu jieħdu ħsieb it-tarbija ta’ waħda mit-tfajliet sakemm ikollha x’taqsam mal-irġiel, medja ta’ ħmistax kuljum u kienet tagħmel dak li kienu jkunu jridu u skont kif tgħidilha l-imputata.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li m’għandu ebda esitazzjoni li jemmen il-verzjoni tal-vittmi. Qal li kuntrarju għall-imputati kienu dejjem konsistenti fil-verżjoni tagħhom.
Il-Qorti nnotat bosta kontradizzjonijiet fix-xhieda tal-imputati quddiemha u fl-istqarrijiet li taw lill-Pulizija ftit wara l-arrest.
Il-Maġistrat Mifsud qies li l-akkużati kellhom kontroll assolut tal-vittmi tant li waħda minnhom kienet ilha taħdem għalihom seba’ snin u kienu qegħdin jgħixu għalkollox minn fuqha.
Ingħad li meta nxtrat kellha biss 19-il sena u kull fejn kienu jmorru l-imputati, kienet tmur magħhom.
Għall-bżonnijiet personali tagħhom, il-vittmi riedu bilfors jitolbu lill-imputati, inkluż għalll-ħrieqi għat-tarbija tagħha.
Għalkemm l-imputati ċaħdu li kellhom x’jaqsmu mas-servizzi sesswali li kienu qegħdin joffru l-vittmi, fil-verità kien hemm mekkaniżmu sħiħ li ħadd ħliefhom ma kien responsabbli minnu fosthom reklamar, il-kera tal-appartament, iż-żamma tal-appuntamenti mill-akkużata u l-ġbir tal-flus mill-prostituzzjoni.
Fil-fatt l-akkużata kienet tieħu ħsieb il-logistika kollha wara l-appuntamenti tal-klijenti, tiftiehem mal-klijenti x’riedu ezatt, kemm kien se jitla’ l-prezz għas-servizz mitlub kif wkoll il-ħin kemm kien se jdum il-klijent mal-prostituta.
Wara li qieset dan kollu, il-qorti kkundanathom 12-il sena ħabs kull wieħed u ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni għall-ħames snin fil-konfront tal-vittmi/