L-importanza li qed tagħti l-Amministrazzjoni Pubblika lill-Uffiċċju tal-Ombudsman toħroġ biċ-ċar fil-figuri ta’ każijiet li ġew investigati fl-2018 u li minnhom 97% ngħalqu b’mod tajjeb. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li dan hu ċertifikat eċċellenti ieħor għall-governanza u l-kontabilità li bihom qed jaħdem is-Servizz Pubbliku.
Is-Sur Cutajar kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet it-tieni pubblikazzjoni annwali Governance: Action on the Ombudsman’s Annual Report. Minn din il-pubblikazzjoni jirriżulta li fl-2018 l-Uffiċċju tal-Ombudsman investiga 290 każ li minnhom 264 ġew ikkunsidrati filwaqt li 26 tqiesu bħala invalidi. Mill-każijiet ikkunsidrati, 189 ġew investigati u ngħalqu. Magħhom ingħalqu wkoll 57 każ ieħor li kienu pendenti mis-snin ta’ qabel. Is-Sur Cutajar qal li din hija xhieda ta’ kemm l-Amministrazzjoni Pubblika tibqa’ ssegwi l-każijiet b’governanza u prattiċi tajbin mifruxin fis-Servizz Pubbliku kollu.
Il-pubblikazzjoni tagħti wkoll dettalji dwar il-75 każ li għadhom pendenti. Minn dawn, huma biss 22 każ li għadhom qed jistennew azzjoni mill-ministeri, b’51 każ għadhom pendenti għand l-Ombudsman stess u 2 każijiet huma sospiżi minħabba proċeduri fil-Qorti.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni sostna li meta dawn il-figuri jittieħdu f’kuntest tal-miljuni ta’ interazzjonijiet li jkollu s-Servizz Pubbliku kull sena mal-klijenti tiegħu, din hija prova li l-Amministrazzjoni Pubblika sejra tajjeb ħafna.
Bħala eżempju huwa semma n-numru kbir ta’ tranżazzjonijiet li jipproċessaw entitajiet bħall-ARMS, id-Dipartiment tas-Saħħa, kif ukoll il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-tfal u Solidarjetà Soċjali f’dak li jirrigwardja pensjonijiet.
Is-Sur Cutajar semma kif l-Amministrazzjoni Pubblika ma qablitx mal-Ombudsman meta dan qal li r-risposta tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-rapport tiegħu tal-2017 kisret ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. Is-Servizz Pubbliku talab lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data jivverifika u nstab li ma kien hemm xejn ħażin għax ma kienx hemm data personali mikxufa.
Is-Sur Cutajar temm jgħid li anke l-Ombudsman u l-Kummissarji tiegħu stess qed jirrikonoxxu li l-Amministrazzjoni Pubblika qed timxi b’kontabilità u governanza tajba. Fil-fatt fir-rapport annwali tiegħu, l-Ombudsman qal li l-maġġoranza tal-uffiċjali pubbliċi u impjegati fl-awtoritajiet pubbliċi jixirqilhom rikonoxximent għax-xogħol li jwettqu, għad-dedikazzjoni u l-isforz li qegħdin jagħmlu biex jaċċertaw li l-Amministrazzjoni Pubblika taġixxi b’konsistenza, b’mod ugwali u bi trasparenza.