Konferma li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd – Il-PM – One News

Notifiki

Konferma li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd – Il-PM

Konferma li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Dan sostnieh il-Prim Ministru Joseph Muscat meta tkellem mal-ġurnalisti wara li l-Forzi Armati ta’ Malta waqfu l-jott tan-negozjant Yorgen Fenech milli jħalli pajjiżna fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu u l-pulizija arrestat lill-istess Fenech.

Kawt bil-għan li ma jippreġudikax l-investigazzjonijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal:

“Illum naħseb kellna konferma oħra li fis-sigħat li għaddew, kif kellna konferma fil-ġranet u l-ġimgħat li għaddew li l-istituzzjonijiet ġewwa pajjiżna, jaħdmu. Jaħdmu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.”

Għal darb oħra reġa’ talab għall-kawtela u qal kif fil-jum tat-Tlieta kien hemm rapporti u stqarrijiet li setgħu ġibdu l-attenzjoni ta’ persuni li kellhom interess.

“Irrid ngħid li ilbieraħ kont imġiegħel li nagħmel stqarrija għax ma stajtx ma nagħmilx stqarrija imma liema rapporti u stqarrijiet setgħu alertjaw persuni li kienu persuni ta’ interess u li kieku dalgħodu l-istituzzjonijiet ma għamlux li kellhom jagħmlu u lbieraħ filgħaxija stess kont infurmat u tajt struzzjonijeit biex jiżdiedu r-riżorsi, kieku dalgħodu qed nitkellmu fuq persuna jew persuni ta’ interess fl-investigazzjoni li setgħu ħarbu mill-pajjiż u naħseb tkunu qed tippuntaw subgħajkom lejja illi b’xi mod jew ieħor tajt xi early warning biex persuna taħrab mill-pajjiż jew persuni jaħarbu mill-pajjiż.”

Il-Prim Ministru tenna li għandu xi jgħid iżda se jżomm il-prudenza.

“Inżommu l-prudenza mhux għax m’għandiex xi ngħid. Jien ili sentejn inżomm ġo fija biex ma ngħidx ċertu affarijiet u nistenna l-ħin u l-mument, fil-ħin opportun li ngħidhom dawk l-affarijiet, ħa nneħħi ż-żrar kollu li għandi fiż-żarbun biex inkun nista’ ngħid dak li naħseb u l-mistoqsijiet li rrid biex inwieġeb imma naf ukoll li bħala Prim Ministru u minħabba dak li għamlu sfortu natament Prim Ministri oħra qabli, kull kelma li nista’ ngħid illum mhux ħa tintuża biex jingħalaq dan il-każ b’suċċess imma tintuża biex dan il-każ ma jingħalaqx.”

Il-Prim Ministru fakkar li għad m’għandux rapport mill-investigaturi biex jirrakkomanda maħfra presidenzjali iżda huwa għamel pass bla preċedent li ffirma ittra li kemm il-darba jkun hemm biżżejjed provi u jkunu kkorraborati fil-Qorti, huwa jirrakkomanda l-proklama lil persuna li b’evidenza twassal għall-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Prim Ministru spjega li sal-mument li kien qed jitkellem ma kellux indikazzjoni li kien hemm politiċi involuti fil-każ, filwaqt li qal li dejjem ħa d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn.

“Irrid nistenna l-proċess, kif diġà l-proċess għaddej, jien ċert illi jkun hemm il-konklużjonijiet li jkun hemm bżonn. Jien jekk qed timplika jekk Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhomx x’jaqsmu mad-delitt l-informazzjoni li għandi jien sal lum il-ġurnata hi li m’għandhomx x’jaqsmu”

Dr. Muscat temm jenfasizza li d-deċiżjonijiet f’dan il-mument jeħodhom waħdu b’responsabilità sħiħa.

“F’dan il-pajjiż kellna d-delitti ta’ Karin Grech, ta’ Raymond Caruana, kulħadd iparla u ħadd ma għamel xejn. Jien tkellimt darba, qagħdt kwiet u jekk Alla jrid inkunu għalaqna dan il-każ li huwa l-ikbar wieħed fl-istorja ta’ pajjiżna.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *