Dak li seħħ fl-aħħar sigħat huwa biss l-ewwel riżultat tax-xogħol li għamilna bħala stat għal dawn il-kważi sentejn.
Hekk saħaq il-Prim Ministru l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament wara l-ħin tal-mistoqsijiet.
“Dak illi ġara fis-sigħat u l-jiem li għaddew huwa biss l-ewwel riżultat tax-xogħol li għamilna bħala stat, bl-istituzzjonijiet kollha, li ilhom jiġu kritikati għal dawn l-aħħar xhur għal din kważi sentejn. U jekk xejn uriet li l-liġi, l-istat u jien ma nħarsu lejn wiċċ ħadd, Sur President, dik hija kruċjali.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat informa lill-Parlament li se jkun qed jgħarraf lill-kamra tar-rappreżentanti b’kull żvilupp u jieħu wkoll id-domandi kollha.
Dan la darba jkun jista’ jagħmel dan għax l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia jkunu mxew biżżejjed.
“Se nkun qed iġi quddiemkom bħala kamra biex nagħti l-informazzjoni kollha illi ma stajtx nagħti f’ dawn l-aħħar sentejn. Inkun nista’ ngħid il-punti kollha illi imbagħad forsi sa dak il-ħin ma jkunux qegħdin jippreġudikaw l-investigazzjonijiet ukoll u naħseb li hawn hekk dak li jgħaqqadna huwa li rridu li ssir ġustizzja. Issa għandna ħafna diverġenzi, naħseb dak li ġara fis-sigħat li għaddew wera illi fl-aħħar mill-aħħar when push comes to shove l-istituzzjoni f’dan il-pajjiż jaħdmu.”
Il-Prim Ministru nsista li f’dan il-mument il-pajjiż għandu bżonn tmexxija.
“Li f’dan il-mument delikat pajjiżna għandu bżonn leadership. Jien mhux ħa nabdika minn dik il-leadership, se nkun qed inmexxi l-pajjiż. Se nkun qed nagħti d-direzzjoni. Se nerfa’ r-responsabbiltajiet kollha, kollha fit-tajjeb u fil-ħażin,”