Jibda jitpoġġa t-tieni ‘fibre optic cable’ bejn il-gżejjer Maltin – One News

Notifiki

Jibda jitpoġġa t-tieni ‘fibre optic cable’ bejn il-gżejjer Maltin

Fil-ġimgħat li għaddew Malta Enterprise flimkien mal-Ministeru għal Għawdex bdew ipoġġu l-ewwel medda ta’ fibre optic cable li se jipprovdi t-tieni link permanenti bejn il-gżejjer.

Dan il-proġett ta’ kważi €4 miljun minn fondi nazzjonali tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt żjara f’Għawdex fil-bidu ta’ din is-sena. Dr Muscat sostna li dan il-proġett se jgħin liċ-ċentru tal-innovazzjoni f’Għawdex fix-Xewkija jiżviluppa f’bażi għal kumpaniji f’Għawdex fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata.

George Cilia, wieħed mill-periti ta’ dan il-proġett spjegalna li dan il-cable se jibda miż-Żebbiegħ f’Malta u jispiċċa fix-Xewkija Għawdex. Huwa spjega: “Il-konnettività hija bejn iż-żebbiegħ għal Għajn Tuffieħa, taħt il-baħar, ikompli l-biċċa fix-xewkija u jispiċċa Għawdex. Għandek biċċa fuq l-art għawdex, biċċa fuq l-art Malta u l-cable fil-baħar li għandek 17-il kilometru jilħaq fond ta’ 70 metru taħt il-baħar u dak nittamaw li lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar u bidu tax-xagħar id-dieħel se jkun qed jitpoġġa permezz ta’ vapur speċjalizzat.”

Il-Perit Cilia qal li x-xogħol ta’ inġinerija ċivili f’Għawdex wasal fl-aħħar tiegħu wara li tlesta x-xogħol f’malta.

Żied jgħid li x-xorta ta’ cable li qed jiġi installat mistenni jservi għexieren ta’ snin hekk kif il-kapaċitajiet u kwalitajiet tiegħu jisbqu l-bżonnijiet attwali.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal dan il-proġett se jagħti aktar serħan il-moħħ lil dawk li investew u se jkunu qed jinvestu f’Għawdex bħalma għamlet l-iskola medika ta’ Barts. Il-Ministru Cardona sostna: “Se jkun ifisser li dawk li se jinvestu fil-gżira għawdxija se jkollhom assigurazzjoni li l-konnettività tagħhom mal-bqija tal-Ewropa u tad-dinja se tkun assigurata.”

Huwa mistenni li s-sistema kollha tibda taħdem mis-sena d-dieħla.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend