Aktar servizzi governattivi online – One News

Notifiki

Aktar servizzi governattivi online

Ninsabu lejlet tnedija oħra ta’ aktar servizzi governattivi onlajn. Nistħajjilkom tgħidu imma għaliex dawn is-servizzi kollha meta jeżistu numru ta’ ċentri li fihom ċittadin jista’ jinqeda wiċċ imb wiċċ?

Iċ-ċittadin, jew aħjar, il-klijent tagħna, għandu diversi modi kif jista’ jinqeda. Kif hemm min jippreferi li jinqeda wiċċ imb wiċċ, hemm min jippreferi jinqeda mill-mowbajl jew inkella mit-tablet jew il-laptop tiegħu. Dan bl-ebda mod ma jxejjen l-importanza taċ-ċentri tagħna. Anzi. Dawn iċ-ċentri jridu u se jkomplu jiżdiedu bil-għan li s-servizz imur għand iċ-ċittadin u mhux iċ-ċittadin jiġri wara s-servizz.

Iżda għal min jippreferi li jirċievi servizz governattiv onlajn dan jista’ jagħmlu. U llum, aktar minn qatt qabel, hemm firxa wiesgħa ta’ servizzi li wieħed jista’ jsib onlajn. Issa għadhom kemm ħarġu l-applikazzjonijiet għall-Bridge Holidays ta’ Klabb 3-16. Il-ġenituri jistgħu japplikaw onlajn mill-kumdità ta’ darhom jew inkella mill-mowbajl bejn qadja u oħra. Kulma jridu jagħmlu huwa li jidħlu fis-sit www.servizz.gov.mt, fis-search engine jiktbu Klabb 3-16 u hemmhekk titla’ l-applikazzjoni. Veru hemm numru ta’ dokumenti li wieħed irid itella’, imma dawn huma meħtieġa biex l-applikazzjoni tiġi proċessata.

U la qed nitkellmu fuq is-servizz governattivi f’dan is-sit, in-numru ta’ servizzi żdied sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin. Dan bil-għan li ċ-ċittadin jibqa’ jinqeda b’mod mill-iktar konvenjenti u faċli. Ma’ dawn is-servizzi onlajn ma nistax ma nsemmix it-tnedija ta’ aktar mServices – dawn huma servizzi aċċessibbli mill-mowbajl. Għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Amministrazzjoni Pubblika flimkien ma’ din l-aġenzija se tkun qed tniedi iktar servizzi, kemm mobile apps kif ukoll siti elettroniċi li huma aċċessibbli mill-mowbajl. Kif qed ngħidu, dan għandu jgħin liċ-ċittadin biex kulma jmur jibda japplika għal servizz onlajn.

U min ma jafx jew huwa xi ftit xettiku dwar l-użu tat-teknoloġija, fiċ-ċentri ta’ servizz.gov tingħata għajnuna għal min jixtieq jimla applikazzjoni onlajn. Dan kollu biex aktar persuni jagħmlu użu mis-servizzi governattivi onlajn. F’dinja li l-pass teknoloġiku għaddej b’ritmu mgħaġġel, daqstant ieħor trid tkun lesta l-aġenzija servizz.gov biex toffri s-servizzi governattivi permezz tat-teknoloġija.

Fl-istess ħin iżda, ma tinsiex lil dawk li jippreferu servizz wiċċ imb wiċċ jew inkella bit-telefon. Freephone 153 għadu l-iktar mezz popolari mal-Maltin. Kemm minħabba l-immedjatezza li joffri kif ukoll minħabba l-kwalità tas-servizz. Dawn l-għażliet kollha flimkien mal-e-mails joffru liċ-ċittadin għażla wiesgħa minn fejn jagħżel.

Għalhekk kulma jrid jagħmel hu li meta jiġi bżonn servizz governattiv kemm jara x’mezz irid juża u jinqeda minnufih.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend