Suċċess miill-Banda Ċittadina Leone b’kunċert sinfoniku ċelebri – One News

Suċċess miill-Banda Ċittadina Leone b’kunċert sinfoniku ċelebri

Nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2019, il-Banda Ċittadina Leone A.D. 1863, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Colin Attard, tellgħet il-Kunċert Annwali tagħha ‘ENCORE | Leone Band in Concert’ fit-Teatru tal-Opra Aurora.

Bħal kull produzzjoni tagħha, il-Banda Leone kienet kapaċi toffri spettaklu mużikali mill-ifjen, b’esebizzjoni tal-aqwa mużika klassika u ta’ teknika mużikali b’saħħitha. Dan il-programm mużikali, bħalma hija użanza, esebixxa uħud l-aktar siltiet klassiċi u sinfoniċi popolari tas-sekli 19 u 20.

Fuq talba ġenerali, fl-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Banda Leone fakkret l-aħħar fost is-suċċessi tagħha, meta fl-Jum l-Indipendenza, nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru 2019, ħadet sehem f’kunċert konġunt, fil-Pjazza ewlenija tal-gżira, Pjazza Indipendenza, f’ċelebrazzjoni organizzata mill-Kumitat Reġjonali Festi Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

B’hekk, il-programm tas-serata kien magħmul minn: Overture: I Cavalieri di Malta (Agostino Nani), Hungarian Rhapsody (Franz Liszt), 1812 Solemn Overture (Pyotr Illich Tchaikovsky) u First Suite for Band (Alfred Reed). B’hekk, bl-isbaħ memorji, il-Banda Leone reġgħet għexet dan is-suċċess b’dawn is-siltiet mużikali ċelebri. B’mod speċjali, l-għeluq ta’ dan il-Kunċert kien immarkat minn mument sabiħ fejn l-udjenza ingħaqdet mal-Banda Leone biċ-ċapċip mal-aħħar moviment tal-komposizzjoni ta’ Reed, liema silta reġgħet ġiet esegwita wara li l-udjenza sellmet is-suċċess tal-Banda bi standing ovation. Dan kien segwit mill-Innu tal-Banda Il Leone li ssellem l-istorja kolossali ta’ 156 sena tal-Banda Ċittadina Leone, b’dan il-kunċert jimmarka ruħu bħala suċċess ieħor fil-kullana ta’ suċċessi dehbija tal-istess Banda.

Il-Kunċert Annwali tal-Banda Leone kkommemora wkoll id-69 Anniversarju mill-Proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunzjoni mill-Papa Piju XII nhar l-1 ta’ Novembru 1950. Huwa b’hekk li dan il-kunċert fetaħ bl-Innu Marcia ‘Lil Santa Marija Assunta’ ta’ Vincenzo Ciappara u versi tal-mibki President Onorarju tas-Soċjetà Filarmonika Leone, Gianninu Cremona.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend