Jirduppjaw in-numru ta’ familji li qed jirnexxielhom ifaddlu – One News

Jirduppjaw in-numru ta’ familji li qed jirnexxielhom ifaddlu


Stħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri li matul l-2016 ftit inqas min-nofs (45.6%) tal-familji f’Malta rnexxielhom ifaddlu parti mid-dħul gross tagħhom.

Imqabbel ma’ studju simili li sar mill-Bank Ċentrali fl-2010, irduppjaw il-familji li faddlu parti mid-dħul tagħhom.

Fil-fatt 9 snin ilu kienu biss 23.7% li kien jirnexxielhom ifaddlu parti mid-dħul gross tagħhom.

L-istħarriġ dwar finanzi u konsum tad-djar li sar għall-2016 ra żieda konsiderevoli ta’ familji jfaddlu parti mid-dħul tagħhom meta mqabbel ukoll mal-2013 hekk kif dak iż-żmien kien hemm 36.6% tal-familji li faddlu xi ħaġa.

Fl-2016 jirriżulta li kien hawn 170,000 residenza f’Malta u f’Għawdex b’medja ta’ 2.5 membri għal kull dar.

30% tad-djar kellhom żewġ membri biss, 25% kellhom persuna waħda filwaqt li inqas minn kwart tad-djar kellhom erba’ persuni jew aktar jgħixu ġo fihom.

Il-Bank Ċentrali qal ukoll li 80.6% tal-familji għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom, nofs perċentwal iktar mill-2013.

67.4% tad-dħul tal-familji ġie mix-xogħol filwaqt dħul minn pensjonijiet u trasferimenti soċjali ammonta għal 13.6% u 2.9%, rispettivament.

Hawn hekk l-istudju jisħaq li żdied b’mod notevoli id-dħul gross medjan tal-familji Maltin li laħħaq il-ftit aktar minn 25,000 ewro (€25,417).

Meta mqabbel mal-2010 id-dħul medjan tal-familji żdied bi 23.6% u kien primarjament xprunat minn żieda fil-dħul tal-impjegati.

Skont l-aħħar stħarriġ, 97.1% tad-djar kollha kellhom tal-inqas tip wieħed ta’ ass finanzjarju, 2% aktar mill-2013.

Il-Bank Ċentrali sab ukoll li l-proporzjon tad-dejn ipotekarju medjan mad-dħul gross tal-familji żdied minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-proprjetà u l-perjodi itwal ta’ self.

Minkejja din iż-żieda fid-dejn ipotekarju medjan, l-ispiża tas-servizz tad-dejn ipotekarju kienet stmata fil-livell ta’ 14.5% tad-dħul ta’ dawk il-households, nofs perċentwal biss aktar mill-istħarriġ ta’ qabel, li jirrifletti tnaqqis fir-rati tal-imgħax.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *