Investiment ta’ €4.5 miljun biex jinbena ċentru ġdid għas-servizzi tal-Caritas – One News

Notifiki

Investiment ta’ €4.5 miljun biex jinbena ċentru ġdid għas-servizzi tal-Caritas

“Tara d-dinja taqa’ madwarek. Spiċċajt”

Dan kliem Ronnie Spiteri. Raġel li fl-aqwa snin ta’ ħajtu għadda minn proċess ta’ separazzjoni li qaliblu ħajtu ta’ taħt fuq.

Ronnie qal dan ma’ ONE News waqt konferenza mill-Fondazzjoni Caritas fejn fiha tħabbar proġett ta’ ċentru ġdid fil-Blata l-Bajda b’investiment ta’ €4.5 miljun. Ronnie sostna: “Ħassejtni fallejt, tibda tara d-dinja kollha ħażina madwarek qisek spiċċjat anke tgħid, “Jiena x’għamilt ħażin għaliex ġrat lili.”

Kien hemmhekk li Ronnie ddeċieda li jirrikorri għas-servizzi tal-Caritas.

Għaqda marbuta mal-programmi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga iżda mhux biss hekk kif anki tgħin nies bid-dipressjoni.

Fil-Caritas, Ronnie reġa’ beda jitbissem.

Tbissima li permezz tagħha seta’ jerġa lura fuq saqajh u jagħmel dak li jħobb.

“Jiena sports swimming kont ex-plejer tal-WaterPolo u llum il-ġurnata ilni sittax-il sena nirreffja. Jiġifieri jgħini ħafna u min speċjalment nitkellem ma xi ħadd li għaddej minn sitwazzjoni bħal din l-ewwel ħaġa li ngħidlu, “Toqgħodx taħt is-saqaf. Mur sib gym, sports għax importanti ħafna”, sostna Ronnie.

Persuni li għaddew mill-istess diffikultajiet bħal Ronnie issa fi ftit żmien grazzi għall-investiment li se jsir jistgħu jirrikorru ġewwa dan iċ-ċentru ġdid li ser ikun qed jiċċentralizza s-servizzi mmirati għalihom.

Dan bil-għan li l-Fondazzjoni Caritas tkompli bil-ħidma tagħha sabiex tkompli tintegra nies vulnerabbli fis-soċjetà.

Preżenti għal din il-konferenza s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega kif il-Fondazzjoni Caritas ser tkun qed tirċievi żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej sabiex tkun tista’ twettaq dan il-proġett soċjali. B’hekk huwa mmirat li mas-600 persuna fis-sena jibdew jattendu ġewwa dan iċ-ċentru. Hu sostna li “Wieħed ikun kburi li għamel dan għaliex dawn huma persuni li ladarba jingħataw l-għajnuna jiġu integrati fis-soċjetà u jkunu jistgħu huma wkoll igawdu mis-suċċess li pajjiżna għaddej minnu.”

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej spjega kif diffikultajiet bħall-abbuż jistgħu jwasslu għal riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

B’hekk l-għan hu li dawn l-isfidi jiġu indirizzati minn qabel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend