213-il inġinier ingħataw il-warrant mill-Ministru Borg mill-2017 sa issa – One News

Notifiki

213-il inġinier ingħataw il-warrant mill-Ministru Borg mill-2017 sa issa

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ippreżenta l-warrant lil 40 inġinier. Huwa beda billi feraħ lill-inġiniera li wara snin ta’ studju u ħidma waslu biex illum irċevew il-warrant. Huwa spjega li din il-ġurnata għandha importanza speċjali hekk kif huwa l-jum li fih l-inġinier jieħu fuqu responsabilità li jwettaq xogħlu b’mod etiku f’din il-professjoni importanti.

“Pajjiżna qed jara ħafna tkabbir ekonomiku, fattur pożittiv li jġib miegħu numru ta’ sfidi u domanda għal aktar faċilitajiet bħal sptarijiet, skejjel, infrastruttura u ħtiġijiet oħra fl-industrija. L-inġinier huwa ċentrali fit-twettiq ta’ dan kollu u huwa importanti li jkollna riżors uman b’saħħtu,” qal il-Ministru.

Huwa qal li kemm ilu f’dan l-irwol kellu l-opportunità li jippreżenta l-warrant lil 213-il inġinier, u żied jgħid li filwaqt li dan huwa numru sabiħ, xorta waħda għad għandna bżonn aktar inġiniera.

Il-Ministru rrefera wkoll għar-reviżjoni li qed issir fir-rigward tal-att li jirregola l-professjoni tal-inġinerija, u fakkar anke fl-inklużjoni tal-inġiniera fis-settur tal-kostruzzjoni wara li saret riforma importanti f’dan is-settur matul is-sajf li għadda.

“Importanti li wieħed jidħol għal biċċa xogħol biss jekk iħoss li għandu l-kompetenza u l-għarfien neċessarji. Għalhekk nitkellmu dwar l-etika, dwar ir-responsabilità li ġġib magħha din il-warrant, mhux biss fir-rigward ta’ kif jitwettaq ix-xogħol imma anke x-xogħol li jiġi aċċettat,” qal il-Ministru Borg.

Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli joħloq il-ġid u jkabbar l-ekonomija li twassal għal domanda kontinwa għal dan ix-xogħol u saħaq dwar id-determinazzjoni tal-Gvern li jkompli jirregola aktar is-setturi varji li bihom qed jimxi ‘l quddiem pajjiżna.

“Dawk il-professjonijiet li jagħmlu l-pajjiż dak li hu u dak li se jkun għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, fosthom dik tal-inġinerija, huma essenzjali,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Min-naħa tiegħu iċ-Chairman tal-Bord Dr Noel Camilleri feraħ lill-inġiniera filwaqt li tkellem dwar l-importanza li wieħed jimxi mal-kodiċi tal-etika meta jkun qiegħed iwettaq dmirijietu ladarba jissieħeb ma’ din il-professjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend