Tunnellati ta’ CO2 iffrankati mill-arja b’investiment fiċ-ĊNL – One News

Tunnellati ta’ CO2 iffrankati mill-arja b’investiment fiċ-ĊNL

Bl-installazzjoni ta’ 320 pannella fuq il-bejt taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Partit Laburista qiegħed jagħti l-kontribut tiegħu favur enerġija rinovabbli u ambjent iktar nadif. Fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, il-Partit Laburista jrid imexxi bl-eżempju fejn mhux biss jitkellem dwar dak li jrid isir iżda jibda jwettaq hu dak li jemmen fih.
“Nemmen li meta nieħdu inizjattivi mill-Gvern, il-partit irid ikun qed imexxihom ’il quddiem hu wkoll. F’dan il-każ poġġejna fil-prattika l-ideat tagħna favur l-użu ta’ enerġija iktar rinovabbli u iktar nadifa biex illum il-bjut tal-binja li naħdmu minnha huma post minn fejn nipproduċu enerġija rinovabbli,” qal De Battista li fakkar kif dan mhux l-ewwel każ fejn il-Partit Laburista jmur mill-kliem għall-fatti, saħansitra qabel il-Gvern.

“L-istess għamilna bil-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa. Aħna ilna li tajniehom lill-ħaddiema tagħna b’mod sħiħ minn meta l-Gvern reġa’ għamel il-wegħda li ftit ftit jirritornahom lura. Għax jekk emminna fiha biex nipproponuha rridu nwettquha wkoll,” kompla jispjega l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Bl-installazzjoni ta’ 320 pannnella se jkunu ġġenerati 394 Kwh ta’ enerġija kuljum u iktar minn tmien tunnellati u nofs ta’ CO2 se jkunu frankati kull sena.

Dan il-proġett huwa wkoll wieħed minn sensiela li jridu jagħmlu l-operat tal-partit iktar sostenibbli fit-tul. “Meta fit-13 ta’ Diċembru nerġgħu nitolbu l-għajnuna finanzjarja tan-nies, in-nies jafu li qed jgħinuna biex ninvestu fit-tul.

Mhux biss jgħinuna biex nagħmlu kampanji ta’ suċċess bħalma kellna din is-sena, iżda biex inwettqu bidliet li l-partit se jieħu l-ikbar frott tagħhom fis-snin li ġejjin u lil ta’ warajna nħallulhom partit iktar b’saħħtu milli sibnieh aħna,” temm jgħid De Battista.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *