Terz tat-tfal li jiġu abbużati ma jitkellmux – One News

Notifiki

Terz tat-tfal li jiġu abbużati ma jitkellmux

Fl-2018 kienu rrappurtati 37 każ ta’ abbuż jew vjolenza sesswali fuq it-tfal. Sbatax minnhom fetħu proċeduri legali, filwaqt li l-oħrajn qed jingħataw l-għajnuna permezz ta’ servizzi psikoloġiċi.

Minkejja dawn in-numri, huwa stmat li terz tat-tfal li jbatu minn abbuż jew vjolenza sesswali, ma jitkellmux u ma jirrappurtawx.

Lejlet il-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali, il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli, saħqet li t-tfal għandhom jingħataw il-mezzi u l-għajnuna meħtieġa biex jipparteċipaw fit-tfassil u t-twettiq ta’ miżuri li jgħinuhom jipprevjenu l-isfruttament u abbuż sesswali.

Hija spjegat: “Il-problema tikkumplika ruħha għaliex ħafna mill-każijiet ta’ vjolenza sesswali fuq it-tfal isiru minn persuni li t-tfal ikunu jafu, li jkollhom il-fiduċja fihom, għaldaqstant iċ-ċirku ta’ fejn huma jafdaw, huma dawk li l-iktar irridu noqogħdu attenti.”

It-tfal kollha għandhom id-dritt li jgħixu ħajja ħielsa mill-abbuż; bil-Kummissarju tat-Tfal tinnota li meta jkun hemm vjolenza fuq it-tfal, l-effetti huma kbar, u biex joħorġu minnhom u jkomplu b’ħajja normali, ikollhom bżonn ħafna għajnuna.

“L-effetti huma koroh għaliex dawn it-tfal qegħdin jikbru, iridu jiskopru s-sesswalità tagħhom, u li inti tivvjolentahom b’dak il-mod, ittellfilhom dan l-iżvilupp u tista’ timmarkahom għal għomorhom għax anki l-attitudnijiet tagħhom lejn persuni tas-sess oppost jew persuni oħra li vjolentawhom tista’ tkun kerha”, sostniet is-Sinjura Miceli.

L-irwol tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal huwa li jqajjem għarfien dwar din ir-realtà, u jixpruna t-tfassil ta’ liġijiet ġodda fl-aħjar interess tat-tfal.

Il-Kummissarju tat-Tfal appellat għall-attenzjoni tal-ġenituri jew dawk fil-kustodja tat-tfal, biex jitkellmu jekk josservaw xi tibdiliet fl-attitudni tat-tfal, għax jistgħu jkunu sinjali li jindikaw abbuż sesswali.

Is-Sinjura Miceli stqarret: “Xi wħud jistaqsu, kif meta jkun hemm każi t’abbuż fuq it-tfal, min ikkommetta l-vjolenza jitħalla barra, jingħata l-bail? Aħna nirrakkomandaw li l-liġi tkun b’tali mod li meta joħorġu u jingħataw bail, dawn ma jkunux jistgħu jersqu f’postijiet fejn hemm it-tfal.”

F’dan il-jum, u kull jum ieħor, l-Uffiċċju jisħaq l-importanza li kull min jaf dwar xi abbuż li qed isir fuq tfal, jirrapporta. Dan jista’ jsir fuq il-linja telefonika għall-għajnuna 179

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend