Siefer in-Norveġja għal ġimgħa sħiħa b’€50 – One News

Notifiki

Siefer in-Norveġja għal ġimgħa sħiħa b’€50

Żmien ilu ħafna, is-safar kien jitqies bħala lussu u kienu jsiefru biss dawk in-nies biex ngħid hekk sinjuri u li jaffordjaw vaganza f’xi pajjiż ieħor. Illum il-ġurnata hawn min jaffordja jsiefer kull xahar, anzi tkun essenzjali li taqta’ minn pajjiżek, meta l-ħin u ż-żmien jippermettu naturalment.

Il-gazzetta ‘Kullħadd’ tkellmet ma’ żagħżugħ li għandu għal qalbu ħafna s-safar, u dan l-aħħar għamel sfida personali li jmur iqatta’ ġimgħa sħiħa n-Norveġja b’total ta’ €50 biss. F’moħħu kellu żewġ skopijiet bis-sens. Wieħed ried juri lil kulħadd li s-safar m’għadux xi ħaġa esklussiva għas-sinjuri biss u min-naħa l-oħra kemm hawn ħela ta’ ikel madwar id-dinja. Qed nirreferi għal Matt Cassar.

Għandu 23 sena u trabba f’Tas-Sliema. Reċentement iggradwa b’Master’s degree fl-entrepreneurship mill-Università ta’ Malta u qed jipprova ma jiħux xogħol full-time għalissa sabiex igawdi l-ħajja. Xorta jagħmel ħafna affarijiet freelance biex jaqla’ lira żejda, ħalli jkollu biex iżomm l-istil ta’ ħajja li jħobb. Bħala passatempi jħobb kull tip ta’ sport estrem, speċjalment climbing, scuba diving, kayaking, trekking u camping. Meta ma jkunx qed jagħmel dawn l-affarjiet, ikun attiv ħafna fl-iscouts ta’ Tas-Sliema, li ilu magħhom 18-il sena.

Huwa jiddeskrivi lilu nnifsu bħala bniedem spontanju li jaqbeż fuq kull opportunità tajba li jsib. Sħabu jiddeskrivuh bħala miġnun, u kif stqarr miegħi stess onestament jaqbel magħhom għax ma tantx jikkonforma man-normi tas-soċjetà. “Jien ngħix ħajti bil-għan li nieħu gost, u kif ukoll ngħin lil dawk ta’ madwari jkunu kuntenti. Infittex ħafna l-adrenalina u avventuri ġodda biex inżomm ħajti eċitanti. In-nies ukoll huma importanti ħafna għalija, kemm il-familja, it-tfajla, u l-ħbieb, u kif ukoll stranġieri li nqishom bħala ħbieb li għadni ma ltqajtx magħhom,” beda jgħidli dwaru Matt.

Ta’ min jgħid li Matt ilu li daħal fid-dinja tas-safar grazzi għall-ġenituri tiegħu, li ta’ spiss kienu jaqtgħu r-rutina tal-iskola tiegħu u jsifruh. Illum il-ġurnata jsiefer għal ħafna raġunijiet varji. “Avolja nħobb ħafna lil Malta, il-verità hi li pajjiżna żgħir u hemm ħafna affarijiet li m’għandniex hawn. Jien dejjem infittex esperjenzi ġodda, u li nkun f’ambjent ġdid b’kultura differenti hija l-isbaħ ħaġa għalija. Insiefer ukoll biex nagħmel attivitajiet bħal snowboarding, trekking, u affarijiet oħra li ma nistax nagħmel hawn.”

S’issa Matt żar 64 pajjiż, 4 kontinenti u kiteb 48 blog dwar is-safar. Minn informazzjoni li ksibt mingħandu stess, sirt naf li normalment iħobb iżomm bilanċ meta jsiefer. “Is-soltu ma nsifirx waħdi għax kif diġà għedt il-ħbieb, il-familja, u t-tfajla huma importanti ħafna għalija, u għalhekk nippreferi nsiefer ma’ ħaddieħor li naf u għandu l-istess mentalità tiegħi. Għal vaganzi qosra jiġifieri inqas minn ġimgħa, nippreferi nitla ma’ sħabi, imma għal vjaġġi itwal naħseb li naqbel l-aktar ma’ Elisa, it-tfajla tiegħi.” 

Dan l-aħħar, Matt irnexxielu jmur in-Norveġja għal ġimgħa sħiħa b’€50 biss, inkluż il-vjaġġi u l-akkomodazzjoni. B’kurżità fuqi ridt inkun naf kif inrexxielu jagħmel safra bħal din bi prezz tant baxx u redikolu. “Din kienet l-ewwel sfida ta’ dan it-tip, imma użajt naqra moħħi u għamilt sagrifiċċju bin-nuqqas ta’ kumdità. Bdejt billi sibt titjiriet irħas, imbagħad bdejt nikkuntattja nies minn fuq servizzi differenti online bħala Couchsurfing u gruppi fuq Facebook. Meta sibt post fejn noqgħod, imbagħad kelli nagħmel ir-riċerki fuq kif nista’ niffranka l-flus, nara fejn nista’ nsib ikel irħis, mezzi ta’ trasport, u affarijiet hekk. Kont lest ukoll insib l-ikel tiegħi b’mezzi mhux konvenzjonali bħal niġbor l-ikel li kienu ser jarmu supermarkets kbar. Bħala attivitajiet hemm ħafna affarijiet li m’għandhomx bżonn flus, bħal hiking fil-muntanji u l-logħba tal-Geocaching li hija treasure hunt internazzjonali,” żvela miegħi Matt.

Mistoqsi għaliex għażel in-Norveġja u mhux xi pajjiż ieħor, Matt weġibni: “Għażilt in-Norveġja għal żewġ raġunijiet. L-ewwel għax il-pajjiż jitqies bħala wieħed minn dawk bl-ogħla standard of living u allura l-isfida tkun aktar diffiċli. It-tieni fattur hu li n-Norveġja hija post sigur, mingħajr ħafna kriminalità, u
b’liġijiet li jħallu n-nies jikkampjaw fejn iridu.”

Konxja mill-fatt li ħafna persuni ma jsifrux għax jafu li safra fiha ħafna spejjeż, staqsejt lil Matt li peress li għadda minn din l-esperjenza b’baġit veru irħis, jekk għandux xi messaġġ għal dawn il-persuni. “Dawn it-tip ta’ nies huma r-raġuni għaliex għamilt din l-isfida. Irrid ngħaddi l-messaġġ li s-safar hu wieħed mill-isbaħ esperjenzi li wieħed jista’ jkollu. Irrid ngħid ukoll li allavolja l-affarjiet li għamilt jien mhumiex għal kulħadd, is-safar m’għandux jiswa ħafna flus, speċjalment f’pajjiżi rħas.”

B’kurżità fuqi ridt inkun naf kemm kien faċli li jsib titjira tant irħisa fil-prezz. “Ħafna linji tal-ajru joffru dawn il-prezzijiet. Trid tistenna u tkun flessibbli bid-dati biex tieħu l-aħjar deal. Żammejt il-prezz baxx billi ħadt biss backpack żgħir miegħi u mhux bagalja sħiħa.”

Beda jikteb blog personali dwar is-safar madwar 4 snin ilu, imma kien fil-bidu ta din is-sena li beda Matt Ventures biex jaqsam l-esperjenzi tiegħu mal-pubbliku u jipprova jkun ta’ ispirazzjoni biex in-nies joħolqu l-avventuri tagħhom.

Qlibt id-diskors dwar is-sistema ta’ couchsurfing li uża matul il-vaganza tiegħu għall-akkomodazzjoni tiegħu. “Mis-sebat tijiem li kont in-Norveġja jumejn biss użajt is-sistema ta’ couchsurfing. Kont aktar fortunant b’użu ta’ gruppi tal-Facebook, kif ukoll nitkellem man-nies fit-triq meta kont hemm,” stqarr miegħi.

Peress li kont naf ukoll li matul il-vaganza tiegħu darba minnhom raqad f’kamp, interessajt ruħi li nkun naf aktar dwar din l-avventura. “Fil-fatt ma tellajtx kamp, dak il-lejl irqadt barra u għamilt il-kenn mill-affarijiet li sibt madwari. Ma nibżax minn dawn it-tip ta’ affarijiet għax imdorri nkun fil-kampanja. Fil-fatt inħossni pjuttost aktar komdu fost is-siġar.”

Matt huwa t-tip ta’ persuna li ma jħobb jippjana xejn. Allura bejni u bejn ruħi staqsejt kif meta qata’ l-biljetti biex imur in-Norveġja, possibbli li ma kien pjana assolutament xejn. “M’għamiltx pjan per se, għamilt ħafna riċerka u kont naf ħafna dwar il-post qabel ma tlajt. L-uniku pjan li kelli kien ta’ fejn kont ser norqod għall-ewwel erbat iljieli. Apparti minn hekk ridt nibqa’ flessibbli ħalli nkun nista’ nagħmel dak li jkolli aptit fil-mument u ma jkollix irbit.”

Fil-bidu ta’ din l-intervista, Matt kien għarrafni li parti mill-€50, kienu €35 minnhom titjiriet, allura kien jiġi li fadallu biss €15 sabiex jonfoq. B’hekk ridt inkun naf kif irnexxielu jiekol u jqassam il-ġranet tiegħu f’ġimgħa sħiħa, u jekk hux fil-faqar jew fil-lussu xorta waħda. “Il-budget ta’ €15 fil-fatt infaqtu kollu f’daqqa fl-ewwel lejl għax ħriġt niekol f’restorant mal-mara li kienet qiegħda żżommni għandha. Ġbart ħafna ikel b’xejn, ġbart il-faqqiegħ mill-foresta, kif ukoll għamilt ikla sħiħa minn dak li kienu ser jarmu s-supermarkets. Naħseb b’dak u bl-ikel li tawni n-nies li kont qed noqgħod magħhom kilt aktar mis-soltu. Nista’ ngħid li ma kontx qed ngħix f’lussu, imma xorta kelli ċerta kumdità li noqgħod ma’ nies dħulin u interessanti. Minħabba dawn in-nies, li issa saru ħbieb, naħseb li ħadt aktar gost milli kieku kont ġo lukanda ta’ ħames stilel,” żvela miegħi.

Naf ukoll li fl-ebda ġurnata tal-vaganza Matt qatt ma ttallab xejn. Il-fatt li tela’ b’baġit żgħir ħafna ried ikun ċert li xorta ma jkunx ta’ piż fuq is-soċjetà jew in-nies. Għalhekk iffoka li jieħu l-affarjiet li kienu ser jintremew.

Fil-fatt kien jiddobba ħafna ikel li jkun ser jiġi mormi mis-supermarkets. Min jaf kemm hawn nies li qed jiddardru bħalissa, u lanqas biss tgħaddilhom mill-kantuniera ta’ moħħhom li jagħmlu hekk!

“Jien bniedem li nħobb nitkellem man-nies, allura kulma kelli nagħmel, nidħol u nitkellem mal-maniġer li mbagħad jew qalli ma jistax jgħinni, jew inkella jsibli l-ikel li kien għadu tajjeb. Qed nirreferi għal ikel li jkun ser jintrema minħabba d-data jew inkella fil-każ ta’ frott minħabba xi tbenġil. Dawn l-affarjiet sfortunatament ma jistgħux jingħataw lill-pubbliku, imma sibt nies lesti biex jarmu dan l-ikel is-siġillat f’kontenituri nodfa. Għal min jitqażżeż irrid ngħid li probabbli anke huma ġieli jieklu ikel li għadda d-data tal-konsum jekk baqa’ jinxtamm tajjeb u ma kienx immuffat,” tbissem jgħidli.

Minbarra dan kollu, kont naf ukoll li Matt għal xi darbtejn kien ġabar xi fliexken vojta, fejn
mar bihom ġo supermarket u tawh xi flus għalihom, għal total li ammonta madwar €8.

Tellajt total ta’ €8 mill-fliexken vojta. Dawk użajt €5 minnhom biex nixtri ikla minn applikazzjoni jisimha ‘Too Good to Go’, li fuqha ssib ikel żejjed tar-restoranti bi prezzijiet baxxi li wkoll ikunu għar-rimi. It-€3 l-oħra l-anqas kelli bżonnhom u filfatt użajthom fl-aħħar ftit sigħat biex nixtri burger biex ma jkunux mitlufin,” spjegali Matt.

Matt temm jgħid: “Is-safar m’għadux xi ħaġa esklussiva, li hi biss għal min għandu ħafna flus, imma fil-verità kulħadd jista’ jsiefer u jiggwadanja minn din it-tip ta’ esperjenza. Hawn min jgħid li l-ħajja qisha ktieb u min ma jsifirx jaqra biss l-ewwel paġna. Importanti li niftħu moħħna għal kulturi differenti u napprezzaw kemm għandna sbuħija f’din id-dinja u t-tjubija tan-nies. Fuq messaġġ aktar serju ridt nuri kemm għandna ħela ta’ ikel u li kieku jista’ jintuża għal kawżi tajbin. Għandna wkoll inkunu attivi fil-konservazzjoni tal-ambjent permezz tal-għażliet li nagħmlu kuljum.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend