L-investiment teknoloġiku fl-edukazzjoni żdied b’700% – One News

Notifiki

L-investiment teknoloġiku fl-edukazzjoni żdied b’700%

Mill-bidla fil-Gvern l-investiment teknoloġiku fl-iskejjel madwar il-pajjiż ra qabża enormi. Tant li filwaqt li fl-2013 kienu jintefqu madwar €2,500,000 fis-sena, is-sena d-dieħla n-nefqa mistennija titla’ għal €17,500,000. Dan f’investiment mingħajr preċedent hekk kif il-Gvern mhux biss qiegħed jara li jinbnew skejjel ġodda, iżda li l-iskejjel kollha madwar il-pajjiż ikunu attrezzati bl-aqwa mod inkluż f’dik li hi infrastruttura moderna li tolqot id-diversi aspetti tat-tagħlim.

M’hemmx dubju li tispikka fuq kollox l-iskema tal-One Tablet Per Child li telqet b’saħħa fl-2016 meta dehret l-ewwel qabża sostanzjali fin-nefqa fl-investiment teknoloġiku.

Iżda, hemm għadd kbir ta’ inizjattivi oħra maħsuba li se jaraw lillGvern jonfoq iktar minn qatt qabel f’dan is-settur tul is-sena d-dieħla. Wara l-introduzzjoni tal-One Tablet per Child mir-raba’ sas-sitt sena tal-primarja fl-aħħar tliet snin, il-Gvern beħsiebu jgħaddi għat-tieni fażi ta’ dan il-proġett, fejn is-sena d-dieħla ser jitwettaq proġett pilota fi skejjel medji. Dan il-proġett pilota għandu jwassal biex isir rapport b’rakkomandazzjonijiet dwar il-possibilità li jkun estiż l-użu tat-teknoloġija fl-iskejjel, bħala għodda li tgħin fit-tagħlim, għall-istudenti fl-iskejjel medji wkoll. U biex dawn it-tip ta’ proġetti jkunu effettivi hemm ħtieġa wkoll li jissaħħaħ l-internet fl-iskejjel fejn b’investiment ta’ €5.2 miljun mifrux fuq ħames snin se jsir xogħol li se jtejjeb l-internet fl-iskejjel tal-Istat kollha. B’hekk l-esperjenza tal-istudenti u l-edukaturi tkun waħda iktar effettiva u ta’ sodisfazzjon. Dan anke għax filwaqt li r-rapport tal-Awditur Ġenerali kellu kliem ta’ tifħir għall-iskema tat-tablets lill-istudenti huwa fatt ukoll li f’ħafna skejjel hemm bżonn infrastruttura iktar robusta li takkumpanja l-proġett.

Iżda, il-viżjoni teknoloġika fis-settur edukattiv tmur lil hinn minn hekk.

Fost oħrajn Malta kienet l-ewwel pajjiż li għamel użu minn blockchain fl-edukazzjoni fejn ċertifikati maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, mill-MCAST, mill-ITS, mill-NCFH u mill-Istitut għall-Edukazzjoni, saru disponibbli permezz ta’ din it-teknoloġija sigura u aċċessibbli. Għas-sena d-dieħla, din it-teknoloġija se tiġi estiża biex tkopri iktar istituzzjonijiet fosthom l-Università ta’ Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend