Il-pont ta’ Vjal l-Avjazzjoni l-ewwel li se jiżżanżan – One News

Notifiki

Il-pont ta’ Vjal l-Avjazzjoni l-ewwel li se jiżżanżan

It-titjib li qed tagħmel Infrastruttura Malta fl-infrastruttura għal min juża mezzi alternattivi biex jivvjaġġa jinkludi l-bini ta’ pontijiet biex min iħobb jimxi jew isuq ir-rota jsibha aktar faċli biex jaqsam toroq arterjali u mingħajr periklu. Fil-fatt, l-aġenzija diġà għandha ppjanati disgħa minn dawn l-istrutturi u tnejn minnhom li qed jinbnew bħalissa mistennija jkunu f’posthom fi Vjal l-Avjazzjoni u l-Blata l-Bajda fi ftit xhur oħra.

L-ewwel pont li se jkun lest huwa dak ta’ Vjal l-Avjazzjoni biex jipprovdi aċċess aktar sigur għal dawk li jivvjaġġaw minn u lejn diversi lokalitajiet madwar il-Gudja, kemm jekk bil-mixi jew bir-rota kif ukoll għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku, fosthom dawk li jkunu sejrin lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).

Dan il-pont ta’ 34 metru ser jinkludi żewġ strutturi għoljin ta’ seba’ metri fil-ġnub tat-triq, li fihom jinkludu rampi fit-tond (helical ramp) li jibqgħu jduru ’l fuq sakemm jaslu għall-pjattaforma tal-pont innifsu. Minbarra r-rampi għar-roti u l-mixi, se jkun hemm ukoll żewġ lifts biex il-pont ikun aċċessibbli għal kulħadd.

Bħalissa fuq iż-żewġ naħat tat-triq qegħdin isiru l-pedamenti tal-istrutturi bir-rampi li se jwieżnu l-pont. Waqt li f’Venezja, l-Italja, qed tinbena l-bqija tal-istruttura li se tkun kollha tal-ħadid inkluża l-gverta.

Pont ieħor li se jkollu forma għat-tond, bħalissa qed ikun manifatturat fil-Mediterranean Maritime Hub, fil-Marsa fejn kienet il-Malta Shipbuilding. Meta jitlesta, dan imbagħad se jinġarr f’ħames partijiet li jingħaqdu fil-post fejn se jinbena, jiġifieri fuq Triq San Ġorġ Preca, biswit il-kwartieri tal-MUSEUM.

Din l-istruttura ser tgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana. B’hekk, se jinħoloq mod aktar sigur biex taqsam minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jitneħħa l-bżonn tal-pelican lights li hemm bħalissa. Għaldaqstant, se jitjieb ukoll l-aċċess għall-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fuq kull naħa, u li jintużaw ħafna minn dawk li jivvjaġġaw minn u lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż.

Pont simili se jsir ukoll fi Triq Dom Mintoff, li kienet magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Kordin, biex jiffaċilita l-aċċessibilità bejn Kordin, il-kampus tal-MCAST u Raħal Ġdid, waqt li l-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ tliet pontijiet oħra għall-mixi u r-roti.

Bħala parti mill-pjanijiet tal-Imsida Creek Project, Infrastructure Malta se tibni wkoll żewġ pontijiet flok il-pelican crossings li hemm bħalissa u li se jkunu aċċessibbli għal kulħadd biex jaqsam it-triq. Pont ieħor huwa ppjanat li jsir fil-Marsa-Ħamrun Bypass, biex jiffaċilita l-aċċess bejn il-Marsa u Ħal Qormi.

Dwar dan kollu, il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura Dr Ian Borg qal: “Il-pjan tagħna għall-infrastruttura tat-toroq u għas-settur tat-trasport huwa wieħed ħolistiku. Qed naħdmu b’diversi soluzzjonijiet, minn dawk li jħarsu lejn l-immedjat sa dawk li jħarsu fit-tul. Fl-istess waqt, fil-proġetti kemm jista’ jkun qed ninkorporaw diversi faċilitajiet differenti għal mezzi alternattivi, fosthom bankini, korsiji għaċ-ċikliżmu u l-pontijiet pedonali. Impenjati li nkomplu nippjanaw, naħdmu u nwettqu proġetti ħolistiċi għall-ġid komuni, favur settur aktar sostenibbli u aktar sigurtà għall-utenti tat-toroq kollha, mill-kbir nett saż-żgħir nett. Il-viżjoni tagħna għal pajjiżna hija viżjoni għal kulħadd u determinati li nkomplu nimplimentawha.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend