“Għandi dritt ta’ familja, irrid inkun kuntenta” – One News

“Għandi dritt ta’ familja, irrid inkun kuntenta”

Meta kont inħares lejn il-mera kont nobgħod dak li nara, iżda maż-żmien irrealizzajt li rrid u għandi nagħmel xi ħaġa għax jien kont mara. Hekk qaltilna Amanda Cossai żagħżugħa ta’ 27 sena, li twieldet raġel iżda li qatt ma ħassitha maskili. Amanda hija mara żagħżugħa mimlija enerġija u llum qiegħda fl-aħħar fażi tal-istudji tagħha biex finalment tiggradwa bħala għalliema.

“Qiegħda nistudja biex insir għalliema u meta għamilt il-work phase mal-istudenti mill-ewwel għedtilhom li jiena trans. Laqgħuni u rajt ir-rispett mingħandhom,” qalet lil dan il-ġurnal Amanda. “Persuni trans huma assoċjati mad-dinja tal-moda, iżda naħseb li wasal iż-żmien li anke fuq dan l-aspett nibdew nitkellmu dwar il-ħiliet differenti li għandna. Kien għalhekk li ħarist ’il quddiem lejn karriera li togħġobni u nħares ’il quddiem biex nibda ngħallem,” żiedet tgħid Amanda.

Tirrakkonta li ħajjitha sa minn età żgħira ma kinitx waħda faċli. Bil-ġenituri tagħha separati, l-omm tgħix Malta u l-missier f’pajjiż ieħor kienet tħoss ċertu nuqqas. Sa minn meta kellha ħames snin kienet tħossha li hija differenti minn subien oħrajn filwaqt li kienet tħoss li dejjem kellha affinità bħal ħbiberija akbar mal-bniet milli mas-subien.

“L-iskola fejn kont nattendi kienet subien biss,” qalet Amanda hekk kif żiedet tgħid li kienet tistaqsi lilha nnifisha jekk hix suppost tħossha bħalhom.” “Dak iż-żmien ma kontx naf li jeżistu l-persuni transgender,” qalet Amanda.

Lill-ġenituri tagħha qatt ma qaltilhom b’xejn iżda meta kellha 15–il sena skopriet li jeżistu persuni trans. Kull meta kienet tiltaqa’ ma’ dan is-suġġett dejjem kienet tqum il-mistoqsija jekk fil-verità hi kinitx trans ukoll.

Dak iż-żmien il-mezzi tax-xandir kienu jpinġu persuna transgender bħala xi ħaġa negattiva. “Jien kont naraha wisq estrema li tkun trans u allura kont ngħid li jien ma jistax ikun li jien hekk.” Amanda baqgħet tgħix din is-sitwazzjoni sakemm fl-età ta’ 19–il sena, fi żmien il-Milied, kienet qed tara t-televixin u kien hemm numru ta’ persuni transgender li kienu qegħdin jaqsmu l-esperjenza tagħhom. “Kien f’dan il-ħin li rrealizzajt li jiena hekk,” qalet Amanda filwaqt li żiedet tgħid li żmien il-Milied qatt ma kien xi żmien sabiħ għaliha, filwaqt li meta ġiet wiċċ imb wiċċ mar-realtà, żmien il-festi sar aktar diffiċli għaliha. Amanda qalet: “Meta realizzajt li jien trans kont diġà naf li se tkun diffiċli għalija, iżda tal-inqas kelli risposta għax kont inħossni differenti.”

“Meta wasalt f’dan il-punt sirt ossessjonata. Ridt inkun naf aktar, ridt nisma’ aktar esperjenzi ta’ nies oħrajn, ridt aktar informazzjoni, iżda kien diffiċli li nsib kemm risposti u anke għajnuna. Mill-familja ma kellix appoġġ. Dejjem kien hemm rispett reċiproku iżda ma kellix kuraġġ ngħid lil ħadd minnhom u domt madwar sena biex għidt lill-ommi. Ommi ma ħadithiex tajjeb din l-aħbar u lanqas ma setgħet tifhem din il-ħaġa,” żiedet tgħid Amanda. “Sfortunatament m’hawnx għarfien biżżejjed fuq dan il-qasam tat-transgender u f’għajnejn il-poplu aħna parti mill-LGBTIQ, imma le aħna m’aħniex l-istess. Aħna differenti,” issostni Amanda.

Żiedet tgħid li llum iż-żgħar bħal donnhom jafu aktar milladulti. F’Malta għamilna progress kbir speċjalment bil-liġijiet, iżda għad hemm bżonn isiru avvanzi kbar fuq l-għarfien. “Qatt ma kelli problema mmur f’ħanut u rrifjutaw li jaqduni iżda bħala mara jien ukoll qed insib ostakli.

“Anke ċertu ħars meta kont bdejt it-tranżizzjoni,” żiedet tgħid Amanda.

Fil-mument li rrealizzat li hija trans kienet inqatgħet għaliha waħedha. “Kont qed nikkontempla suwiċidju. Kont inqtajt għalija u ma xtaqtx lanqas noħroġ mal-ħbieb. Il-ħbieb tiegħi kienu fil-maġġoranza subien u ma naħsibx li kienu indunaw li jiena ma kontx inħossni kuntenta. Kont insib ħafna skużi u kont inqtajt min ta’ madwari. Ma ridt lil ħadd jarani u ma kelli l-ebda forma ta’ appoġġ,” irrakkuntat Amanda.

F’April 2017 fl-età ta’ 25 sena bdiet it-tranżizzjoni. Tirrakkonta kif ġriet għand it-tobba, għand l-endocrinologist, fost l-oħrajn, fil-privat. “Kont immur għand it-tobba u ninduna li ma kinux jafu s-suġġett u ma kontx inħossni sigura.”

Amanda spjegat li fl-aħħar kien irnexxielha ssib tabib fil-privat li miegħu kienet tħoss li hija sigura għax kien jaf is-suġġett u jifhem fil-mediċina. “Ħadt pjaċir akbar meta sibt li t-tabib kien wieħed mit-tobba li beda jservi fil-Gender Clinic li nfetħet mill-Gvern madwar sena ilu apposta għal persuni trans bħali,” qalet Amanda.

Meta lħaqt dan il-punt sirt ossessjonata. Ridt inkun naf aktar, ridt nisma’ aktar esperjenzi ta’ nies oħrajn, ridt aktar informazzjoni, iżda kien diffiċli li nsib kemm risposti u anke għajnuna

Bdiet tattendi l-gender clinic f’April 2019. Spjegat kemm kien għaqli l-fatt li tinfetaħ il-gender clinic fost l-oħrajn minħabba li l-ispejjeż huma enormi. “Kont ħassejt il-ħtieġa ta’ għajnuna ta’ psikologi wkoll,” qalet Amanda, “u għamilt użu mis-servizzi li jeżistu fosthom servizzi ta’ psikjatri. Hemm sitwazzjonijiet, bħal meta kont qed nikkontempla li nagħmel suwiċidju fejn l-aħjar huwa li tfittex l-għajnuna. Din it-tip ta’ għajnuna jekk tfittixha ssibha fil-Gender Clinic.”

Faħħret bil-bosta lill-professjonisti tal-Gender Clinic. “Iżda hemm bżonn li jkun hemm aktar informazzjoni fil-pubbliku dwarha għax m’hemmx daqstant għarfien disponibbli dwarha,” qalet Amanda. Żiedet titkellem dwar sfidi oħrajn li jaffaċċjaw nies trans bħalha. Tkellmet dwar id-diffikultajiet li jeżistu biex jippriservaw il-materjal ġenetiku. “Jien nixtieq ikolli lil uliedi,” qalet Amanda, “imma jien għandi sfida kbira għax jien ma nistax inġorr it-tarbija imma jrid iġorrhieli ħaddieħor – surrogate,” sostniet Amanda. “Dawn huma l-isfidi li rridu nibdew nitkellmu fuqhom minn issa. Għandi dritt ikolli familja, għandi dritt nifraħ u għandi dritt inkun kuntenta,” qalet Amanda hekk kif b’għajnejha jleqqu qalet li kellu jgħaddi għaliha l-boyfriend tagħha. Żiedet li llum il-familja tagħha aċċettawha u għandha l-appoġġ kollu tagħhom.

Dwar il-Gender Clinic li f’Novembru qed tiċċelebra l-ewwel sena mill-ftuħ tagħha l-ġurnal tkellem ma’ Dr Claire Axiak, Konsulenta fil-qasam u li taħdem ukoll fil-Gender Clinic. Dr Axiak qalet li “l-klijenti li jiġu rriferuti lil Gender Wellbeing Clinic mittabib tal-familja, social worker  jew psikologu, jiġu intervistati minn nurse speċjalizzata. L-intervista hija waħda formulata minn qabel jiġifieri tintuża l-istess intervista ma’ kulħadd b’mistoqsijiet dettaljati.”

It-tweġibiet jagħtu lin-nurse stampa ċara dwar il-bżonnijiet speċifiċi tal-individwu qalet Dr Claire Axiak filwaqt li żiedet tgħid li r-risposti jagħtu stampa aħjar fejn u lil min għandha tiġi riferuta l-persuna mal-bqija tattim multidixxiplinarju.

“Jekk il-klijent ikollu problemi ta’ saħħa mentali u jixtieq jittrattahom, dan jiġi riferut lili,” qalet Dr Axiak.

Żiedet tgħid li “importanti ngħidu li dak li jissejjaħ bħala gender dysphoria jew gender identity disorder ma jitqiesx bħala marda psikjatrika iżda jista’ jkollok magħhom problemi ta’ saħħa mentali l-iktar minħabba l-istigma u preġudizzju soċjali. Eżempji ta’ dawn il-problemi huma ansjetajiet, dipressjoni, ħsibijiet ta’ self harm, suwiċidju kif ukoll abbuż minn sustanzi, inkluż alkoħol u drogi. Ħsibijiet ta’ self harm huma sfortunatament komuni minħabba nuqqas ta’ aċċettazzjoni mis-soċjetà u minħabba li l-individwu jista’ għalhekk ikollu self-esteem baxx u nuqqas ta’ aċċettazzjoni tiegħu nnifsu.”

Dr Claire Axiak sostniet li “huma dawn il-problemi li nittratta bħala psikjatra u mhux sempliċiment għax klijent huwa trans. Fil-fatt, hawn min hu trans u ma jiġix riferut lili. Il-kura tinkludi ħafna drabi psikoterapija iżda xi minn daqqiet ikun hemm bżonn ukoll mediċini.”

F’dawn il-ġranet il-Klinika tat-Transgender fl-Imtarfa se tkun għalqet sena minn meta nfetħet u għal din l-okkażjoni tlabna wkoll il-kummenti tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. “Aħna Gvern li nemmnu li s-servizzi tas-saħħa għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd fis-soċjetà. Din kienet l-ewwel klinika f’pajjiżna li tara l-ħtiġijiet mediċi uniċi ta’ persuni transgender f’pajjiżna. Huwa pass ieħor konkret wara li fis-sena 2018 nedejna l-politika għal servizzi tas-saħħa għal persuni transgender. Tul din is-sena li ilha miftuħa l-klinika ġew riferuti madwar 120 persuna,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Fil-klinika tat-transgender persuni trans jingħataw kura minn tim kliniku multidixxiplinarju magħmul minn l-ispeċjalizzazzjonijiet tal-endokrinoloġija, uroloġija, ġinekoloġija, kirurġija plastika, psikjatrija, psikologi, ħaddiema soċjali, terapisti tal-familja, patoloġisti tad-diskors u l-lingwa, u infermiera.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend